Filmat: “L-immigrant l-iskjav tal-lum; irridu nittrattawh b’dinjità” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-patrimonju kulturali għandu jgħallimna nittrattaw lil xulxin b’dinjità, partikolarment lill-immigranti li jitilqu minn ħajja libera għal ħajja ta’ skjavitù sakemm jerġgħu jiksbu l-libertà.

Dan id-diskors l-Arċisqof għamlu waqt it-tnedija tal-ktieb Ta’ Liesse: Malta’s Waterfront Shrine for Mariners. It-tnedija saret il-Ħamis li għadda fil-Knisja tal-Madonna ta’ Liesse, il-Belt Valletta.

Diskors l-Arċisqof dwar it-tbatija li jgħaddu minnha l-immigranti kien marbut mal-istorja tal-kwadru tal-Madonna ta’ Liesse, li tgħid li tliet kavallieri Nsara kienu ttieħdu skjavi ta’ sultan Musulman, iżda ma ridux jiċħdu t-twemmin tagħhom. Eventwalment, permezz tal-kwadru tal-Madonna, il-Musulman jikkonverti għall-Kristjanità.

L-Arċisqof fiehem kif din l-istorja hija waħda li fiha l-protagonisti jgħaddu mil-libertà għall-iskjavitù u lura għal-libertà. Xebbah din l-istorja ma’ dik tal-immigranti Afrikani li jitilqu minn darhom bit-tama li jsibu ħajja aħjar fl-Ewropa. Qal li villaġġ sħiħ minn fejn ikunu ġejjin dawn l-immigranti jinvesti f’persuna billi jiġbru l-flus għal dak li jkun biex ikollu biżżejjed għall-vjaġġ. Imbagħad hu jħalli daru warajh u jerħilha lejn l-Ewropa, biex jerġa’ jsir skjav meta jispiċċa fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. L-Arċisqof sejjaħ din l-esperjenza waħda trawmatizzanti u umiljanti.

Mons. Scicluna semma storja li sema’ l-ġimgħa li għaddiet, ta’ ċertu Livingston mill-Kenja, li issa qed jagħti daqqa t’id lil Patri Dijonisju Mintoff fil-Laboratorju tal-Paċi. Dan irrakkuntalu l-istorja tiegħu, li meta wasal Malta ħadem ġo bar għal xahrejn, iżda qatt ma ra sold. Meta l-Patri mar miegħu ġol-bar biex jgħidu lis-sid Malti biex iħallsu, is-sid qal li qatt ma kien rah u rrifjuta li jħallsu.

L-Arċisqof temm id-diskors tiegħu billi qal li jekk dawn il-knejjes ma jkellmux lill-kuxjenza tagħna, inkunu qed naħlu l-ħin. Qal li l-patrimonju għandu jħabbat fuq il-bibien tal-kuxjenzi tagħna sabiex nittrattaw lil xulxin b’dinjità, speċjalment lil dawn l-immigranti, li sejħilhom “l-iskjavi tal-ħajja moderna.”

Fiex jikkonsisti l-ktieb?

Il-ktieb jinkludi esejs ta’ Giovanni Bonello, Kenneth Cauchi, Roger De Gaetano, Carmen Depasquale, Nicholas Joseph Doublet, Eric Fenech Sevasta, Thomas Freller, Christian Mifsud, Amy Sciberras, Mevrick Spiteri u Theresa Vella. Fih ukoll iżjed minn 370 ritratt, meħudin minn Daniel Cilia.

Il-ktieb huwa dwar il-Knisja, li hija ddedikata lill-Madonna ta’ Liesse, b’rabta mal-belt bl-istess isem fi Franza. Din inbniet fl-1740.

Il-flus li jinġabru mill-ktieb se jmorru għar-restawr tal-pitturi tal-knisja.

Kurja – knisja.mt/ritratti