Filmat: “L-Ilsien Malti kapaċi jwassal ma’ ilsna oħra” – Prof. Aquilina

Il-Professur Toni Aquilina huwa t-tieni mistieden fis-sensiela Nitkellmu mal-Awtur li jitkellem dwar l-għan tal-kotba ta’ Traduzzjonijiet.

Kien għadu jgħallem fil-Junior College meta ħaseb li kienet qed issir inġustizzja mal-istudenti meta kienu qed jiġu mġiegħla jwieġbu bl-Ingliż għal testi bil-Franċiż mingħajr ma jkollhom l-għażla li jwieġbu bil-Malti jew bl-Ingliż. Meta kien fuq il-bord tal-MATSEC ħadem biex din titranġa.

Maż-żmien kien ġie avviċinat minn studenta biex issir traduzzjoni ta’ ktieb partikolari, Ħafna Ħajjiet, Ħafna Mgħallmin, wassal biex l-istess studenta, Joanne Micallef, tibda l-kumpanija Faraxa li llum ippubblikat 21 ktieb differenti ta’ traduzzjoni.

Fost dawn il-kotba hemm Jiena Malala maqlub minn Godwin Ellul kif ukoll dan l-aħħar tnieda Id-Djarju ta’ Anne Frank – Id-Djarju ta’ Tfajla ta’ Susan Massotty maqlub minn Mary Rose Mifsud. Dan il-ktieb jinkludi t-test innifsu tad-Djarju ta’ Anne Frank kif ġie editjat minn Otto Frank u Mirjam Pressler u ppreżentat fl-edizzjoni definittiva li ħarġet fl-2007, fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju tal-ewwel publikazzjoni tiegħu fl-1947.

Waqt il-Fiera tal-Ktieb tnieda wkoll it-tieni volum ta’ traduzzjonijiet tal-Prof. Aquilina mal-Faraxa: Il-Waqgħa ta’ Albert Camus. Dan il-kapolavur kien ġab il-Premju Nobel lil Albert Camus. F’dan il-ktieb Camus juri ż-żewġt uċuh tal-bniedem.

Segwi l-intervista sħiħa li tinsab f’din il-paġna.

Għal aktar tagħrif dwar il-pubblikazzjonijiet Faraxa tista’ żżur is-sit jew inkella l-paġna Facebook tal-kumpanija.

Ftuħ tal-programm u Muntaġġ: Sarah Salafia