Filmat: ​Il-pinna tirbaħ il-biża’ – Il-ġurnalisti jingħaqdu

Ġurnalisti minn diversi midja qed jingħaqdu biex nhar il-Ħadd 22 ta’ Ottubru issir manifestazzjoni nazzjonali biex tafferma l-għaqda fost il-ġurnalisti, kif ukoll id-determinazzjoni li ma ħadd ma jċedi għat-theddid.
Għal dan il-għan, nhar il-Ħadd il-gazzetti se jkollhom il-faċċata sewda bil-kliem “Il-pinna tirbaħ lill-biża’” (The Pen conquers Fear). Dan il-messaġġ se jingħata mill-midja kollha skont jekk humiex onlajn, TV jew radju.
Dan qed isir b’messaġġ ċar li l-ġurnalisti mhux se jibzgħu jirrappurtaw il-verità minkejja t-theddid u minkejja l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-midja Maltija qablet li dan il-messaġġ qawwi ta’ determinazzjoni jixxandar bi prominenza biex min ipprova, bil-qtil ta' Caruana Galizia, iwerwer lill-midja, jieħu risposta. Din il-kampanja se titkompla fil-jum li fih isir il-funeral tal-ġurnalista.
Rikors biex ikunu imħarsa s-sorsi ta’ Caruana Galizia
Sadanittant, edituri u ġurnalisti mill-firxa sħiħa tal-midja f’Malta talbu lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jiftaħ rikors immedjat fil-qorti biex il-Maġistrat inkwirenti jiżgura li s-sorsi, l-informazzjoni u d-dejta kunfidenzjali li kellha Daphne Caruana Galizia jiġu protetti.
Din l-informazzjoni kunfidenzjali tinkludi wkoll kull element li jista’ jikxef sors miġbur minn kompjuter, telefowns, u apparat diġitali ieħor.
L-edituri talbu lill-IĠM jagħmel dan biex ikun żgurat il-prinċpju tas-segretezza tas-sors, aktar u aktar f’ċirkostanzi fejn il-kixfa ta’ xi sors tista’ tqiegħed lil dak is-sors f’periklu ċar u imminenti.
Dalgħodu edituri minn bosta taqsimiet tal-aħbarijiet, inkluż ta' Newsbook.com.mt, kif ukoll opinjonisti u pubbliku li kien preżenti mxew minn quddiem il-Parlament sa quddiem il-Qorti biex jesprimu wkoll solidarjetà mal-familja Caruana Galizia fid-dawl ta’ din it-theddida ċara lid-demokrazija.
Quddiem il-monument tal-assedju l-kbir li jinsab quddiem il-Qorti, iċ-Ċermen temporanju tal-IĠM Norma Saliba,qrat ir-rikors li talab li jkun assigurat li l-ogħla livell ta’ kunfidenzjalità jkun imħaddem mill-ufiċċjali kollha involuti f’din l-investigazzjoni.
“Il-Maġistrat Inkwerenti għandu umilment jagħti dawk il-provvedimenti meħtieġa sabiex kull sors jintuża biss għal skopijiet ta’ investigazzjoni”, kompla r-rikors li tressaq l-avukat tal-IĠM, Dr Stefano Filletti.
Ara d-dokument bil-Malti tar-rikors minn hawn taħt.
Ritratt: Ian Noel Pace