Filmat: L-IĠM iwiddeb lill-Ministru Borg tal-attitudni tiegħu ma’ ġurnalista tan-Net

L-Istitut Ġurnalisti Maltin widdeb lill-Ministru Ian Borg tal-attitudni tiegħu hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalista Christine Amaira minn Net News jumejn ilu, meta evita li jwieġeb il-mistoqsijiet tagħha u qalilha li li kieku kien l-imgħallem tagħha, kien ikeċċiha.

Dan seħħ jumejn ilu wara konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta, meta l-ġurnalisti kienu qegħdin jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.

Christine Amaira bdiet tistaqsi lill-Ministru jekk Daphne Caruana Galizia hijiex irrelevanti, b’referenza għax-xhieda tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju nhar il-Ġimgħa li għadda. Borg beda jgħidilha li l-unika tweġiba li għandu hi li se jkompli jwettaq xogħlu, u baqa’ ma wiġibx it-tweġiba tal-ġurnalista. Meta din baqgħet tinsisti, huwa qalilha li hi ma tridx tisma’ t-tweġiba tiegħu, imma trid biss it-tweġiba li għandha f’moħħha hi. Għalhekk, kieku kien l-imgħallem tagħha, kien ikeċċiha, qal il-Ministru.

L-Editur ta’ Net News Robert Cremona mbagħad ressaq ilment quddiem l-Istitut Ġurnalisti Maltin kontra l-Ministru għat-Trasport Ian Borg. Fih qal li l-Ministru “attakka” lill-ġurnalista “b’lingwaġġ mhux xieraq.” “Naqblu illi mhuwiex aċċettabbli tindika li ġurnalista għandha titkeċċa minn xogħolha sempliċiment għax qed tagħmel domandi leġittimi,” kiteb Cremona. Hu talab lill-IĠM tindaga fil-każ.

L-IĠM imbagħad ikkuntattja lill-Ministru għall-kummenti tiegħu. Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru qal li ma kellux l-intenzjoni li jinftiehem li l-ġurnalista għandha titkeċċa. Qal li jekk inftiehem hekk, jiskuża ruħu. Enfasizza dan il-punt aktar minn darba.

Żied jgħid li l-punt imsemmi kien wieħed politiku bil-ħsieb li jagħmel aktar deni milli ġid “permezz tal-aggressività u n-negattività li kienet qed tintwera mill-kamra tal-aħbarijiet tal-partit politiku rispettiv.”

Spjega li hu dejjem iwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu, imma jistenna li jkun hemm rispett u jingħata ċans jagħti t-tweġibiet tiegħu.

“Fid-dover tal-politiċi li jwieġbu l-mistoqsijiet”

Wara li sema’ ż-żewġ naħat tal-istorja u ra l-filmat, l-IĠM qal li filwaqt li japprezza l-apoloġija tal-Ministru, l-ispjegazzjoni tiegħu li ma riedx ifisser li l-ġurnalista għandha titkeċċa m’għandhiex wisq sinifikat, peress li fil-filmat jinstema’ jgħid il-kliem: “Kieku jiena kap tal-aħbarijiet tal-kamra tiegħek kieku ilni li neħħejtek minn ġurnalista tal-istess kamra.” Minħabba f’hekk, l-IĠM qal li jittama li l-attitudni li politiku ma jwiġibx il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti trid tinqata’ darba għal dejjem.

Apparti hekk, l-IĠM wera tħassib fuq il-kwistjoni tal-kontabbiltà, u semma kif fl-aħħar ħames xhur, kellu tliet okkażjonijiet differenti li fihom fakkar lill-politiċi fuq il-ħtieġa li jwieġbu l-mistoqsijiet li jsirulhom. L-Istitut insista li huwa fid-dover tal-politiċi li jwieġbu l-mistoqsijiet, bħala politiċi fi stat demokratiku.

Fil-fehma tal-IĠM, il-Ministru m’għandux raġun jgħid li l-mistoqsija li saritlu kienet politika, peress li din saret lil politiku allura dan l-argument ma jreġix. L-Istitut qal, “Din kienet tweġiba out of point intenzjonata li tevita li twieġeb il-mistoqsija u li timminaha.”

Irid ikun hemm rispett miż-żewġ naħat

Minkejja dan, l-IĠM qabel mal-punt tal-Ministru li l-ġurnalisti għandhom jagħtu ċans lin-nies iwieġbu l-mistoqsijiet mingħajr ma jinterrompuhom. L-IĠM irrefera għall-kodiċi tal-etika tiegħu li jgħid li l-ġurnaliżmu m’għandux isir biex jintimida jew jagħti fastidju lin-nies. Barra minn hekk, jekk il-mistoqsija tal-ġurnalist ma tkunx ġiet imwieġba, dan għandu d-dritt jerġa’ jagħmilha għal darba darbtejn.

“Mhuwiex l-irwol ta’ ġurnalist li jsir politiku, u dan donnhom jinsewh il-ġurnalisti tal-midja politika,” qal l-IĠM. Skont l-Istitut, jekk politiku jibqa’ ma jwiġibx wara darbtejn jew tliet darbiet, il-pubbliku jkun ħa r-risposta.

L-IĠM temm il-messaġġ tiegħu billi saħaq fuq il-bżonn li jkun hemm rispett miż-żewġ naħat – kemm mill-politiċi, kif ukoll mill-ġurnalisti.

Filmat: Miguela Xuereb