Filmat: L-ideat tal-Arċisqof inklużi fid-dokument tas-Sinodu

Dak li tkellem fuqu l-Arċisqof Charles Scicluna fis-Sinodu tal-Isfqijiet li sar f’Ruma matul dan ix-xahar, ġie inkluż fid-dokument finali. Qal dan l-Arċisqof Charles Scicluna waqt li kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg fil-programm Follow-Up fuq RTK 103FM.

Servizio Fotografico – Vatican Media

L-Arċisqof qal li fid-dokument finali, l-imħabba hija espress b’mod tajjeb f’diversi paragrafi u anke fil-konklużjoni fejn spjega li din titkellem dwar il-qdusija iżda tibda bl-imħabba.

L-Arċisqof spjega li bbaża d-diskors tiegħu fuq dak li qal San Ġwann Pawlu II dwar l-imħabba filwaqt li spjega li huwa ħass li din ma kinitx rappreżentata fid-dokument preparatorju tas-Sinodu.

“Ħassejt li kienet assenti…qabel is-sejħa għall-qdusija hemm is-sejħa fundamentali li hija l-imħabba. Kull bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba u li s-sejħa fundamentali tal-bniedem, tkun xi tkun il-vokazzjoni tiegħu, hija vokazzjoni għall-imħabba”, saħaq l-Arċisqof.

Fl-isfond tas-sinodu tal-Isfqijiet dwar iż-żgħażagħ, l-Arċisqof qal li qabel ma jkellem liż-żgħażagħ dwar il-qdusija, huwa jkellimhom dwar l-imħabba. Spjega li “l-bniedem jimmatura jekk minn egoist isir bniedem mogħti għall-oħrajn” filwaqt li qal li dawn il-ħsibijiet, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien kitibhom fl-enċiklika Redemptor Hominis, kmieni fil-pontifikat tiegħu propju fl-1979.

Fid-diskors quddiem il-Papa, l-Isfqijiet u l-Kardinali preżenti għas-Sinodu, l-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-esperjenza tiegħu matul dan is-sajf fejn flimkien ma’ grupp ta’ tletin żgħażagħ Maltin mexxa pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Fisser kif matul din il-ġimgħa seta’ jara liż-żgħażagħ jesprimu l-fidi tagħhom b’mod żagħżugħ.

Mistoqsi dwar il-konferenza tal-aħbarijiet li indirizza fis-sala stampa tal-Vatikan, l-Arċisqof Scicluna qal li kien mistoqsi dwar x’kellu jgħidilhom liż-żgħażagħ li kienu skandalizzati bl-abbużi sesswali mill-qassisin. L-Arċisqof qal li wieħġeb din il-mistoqsija billi appella biex iż-żgħażagħ jiskopru lil Ġesù.

Ritratt: Servizio Fotografico – Vatican Media