Filmat: L-Għawdxin mitlubin jagħtu d-demm il-Ħadd li ġej

Jekk wieħed imur jagħti d-demm ma jkunx qed iġib lilu nnifsu f’riskju. Hekk stqarr Tony Micallef, l-infermier responsabbli mir-Relazzjonijiet Pubbliċi tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm f’intervista fuq Newsbook.com.mt.

Huwa ħeġġeġ b’mod partikolari lill-Għawdxin biex nhar il-Ħadd jagħtu d-demm f’Għawdex stess fil-Berġa tax-Xewkija bejn it-8am u s-1pm. It-trasfużjoni tad-demm f’Malta jista’ jsir kuljum mit-8am sas-6pm fi Gwardamangia.

Tony Micallef qal li fil-bidu ta’ din il-pandemija tal-coronavirus, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ħa għadd ta’ miżuri kemm biex jipproteġi lill-infermiera li jagħtu sehemhom f’dan il-qasam kif ukoll biex jipproteġu lid-donaturi li jagħmlu dan il-ġest nobbli.

Fisser kif fost il-miżuri, is-siġġijiet li jintużaw jintmesħu wara kull donatur u nżammu ‘l bogħod minn xulxin. Spjega wkoll kif għall-ikel li jiġi offrut lid-donaturi wara l-għoti tad-demm qed jinżamm persuna waħda ma’ kull mejda.

“L-Għawdxin qed jibżgħu aktar”

Dwar Għawdex, Tony Micallef qal li raw tnaqqis fl-ammont ta’ donaturi li jmorru jagħtu d-demm f’Għawdex. Qal li l-Għawdxin qed jibżgħu aktar iżda serraħ moħħ dawk in-nies li s-soltu jagħtu d-demm biex ikomplu jagħmlu dan għaliex qal li ttieħdu l-miżuri kollha kontra kull riskju.

Semma li t-trasfużjoni tad-demm f’Għawdex issir fil-Berġa tax-Xewkija viċin l-iskola Primarja u biswit il-klabb tal-boċċi. Qal li hemmhekk ukoll ittieħdu l-miżuri kollha biex tiġi assigurata s-saħħa ta’ dawk kollha li jmorru hemmhekk.

Huwa ċaħad li fl-ebda parti tal-proċess ma jiġi ċċekjat jekk persuna għandhix il-virus jew le. Qal li fil-futur in-nies se jiġu ttestjati jekk ikollhomx antibodies tal-coronavirus iżda dan għadu ma daħalx fis-seħħ u m’għandhux x’jaqsam mat-trasfużjoni tad-demm.

“Naqsu l-operazzjonijiet imma rridu nsostnu l-ħażna tad-demm”

Tony Micallef qal li minħabba li naqsu l-operazzjonijiet naqset ukoll id-domanda għad-demm. Huwa qal li bħala riserva baqgħet issostni lill-isptarijiet għal dan l-aħħar xahar iżda xorta waħda qed jissieltu biex iżommu ħażna ta’ demm.

“Il-kimoterapija trid tkompli għaddejja”

Temm jgħid li l-appell tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jibqa’ hemm għaliex id-domanda għad-demm għadha hemmhekk. Huwa fisser kif il-kimoterapija ma tistax tieqaf waqt il-pandemija għall-pazjenti morda bil-kanċer anki waqt il-pandemija u l-inċidenti għadhom iseħħu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn