Filmat: L-għassa ta’ Marsalforn b’dehra ġdida

Read in English.

Tlesta x-xogħol ta’ tisbiħ fuq l-għassa ta’ Marsalforn b’nefqa ta’ €130,000. Din l-għassa nbidlet għal waħda moderna u li se tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru l-post u esprimew sodisfazzjon għal kif ix-xogħol li sar jikkumplimenta wkoll investiment li riċentament sar fiż-żona turistika li hi frekwentata wkoll minn eluf ta’ persuni. 

Ftit tal-ġranet ilu nfetħet il-menqa li hi tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-għassa.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li din l-għassa se tkun aċċessibbli għal kollox għal persuni bi bżonnijiet speċjali tant li anke kien installat lift għal dan l-għan. Xogħlijiet oħra li saru fil-binja jinkludu titjib fl-infrastruttura u anke investiment fit-teknoloġija.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-proġett ifisser titjib fl-ambjent fejn jaħdmu dawn il-pulizija. Spjega li l-proġetti ma jfissrux biss infrastruttura tat-toroq imma wkoll rinnovar u manutenzjoni f’binjiet li jagħtu servizz lill-poplu.