Filmat: “L-għan hu li l-biljett għall-mina jkun daqs tal-vapur”

Read in English.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Mina bejn Malta u Għawdex Mr Franco Mercieca qal li l-għan tal-Gvern huwa li l-prezz li wieħed iħallas biex juża’ l-mina jkun l-istess bħal dak ta’ biljett għall-vapuri tal-Gozo Channel bħalissa.

Ma’ Newsbook.com.mt, Mercieca qal li l-proġett tal-mina għadu għaddej ġmielu u li jinsab fi stadju avvanzat biex joħroġ it-tender tal-pre-quotation questionnaire. Mingħajr ma ta figuri eżatti Mercieca qal li l-Gvern għandu idea dwar kemm se jkun il-prezz biex wieħed juża’ l-mina. Spjega li l-idea tkun aktar ċara meta joħroġ il-Prequalification Questionnaire (PQQ).

“L-għan tal-Gvern hu li l-prezz jibqa’ l-istess bħall-vapur,” qal Mercieca.

Mercieca, li huwa wkoll kirurgu tal-għajnejn magħruf, qal li kien hemm ftit tardjar għat-tender għax intalbet l-għajnuna ta’ konsulenti barranin biex jgħinu lill-Gvern bil-kriterji tas-selezzjoni tat-tender. Mercieca fakkar li dan huwa proġett kumplikat u li f’Malta hemm għarfien espert limitat dwar is-suġġett.

Qal li ta’ spiss tintalab l-għajnuna tal-barranin, inkluż b’mod speċjali l-kumpanija ta’ konsulenza COWI. Fost affarijiet oħra, il-COWI qed tgħin lill-Gvern biex joħroġ il-PQQ.

Mistoqsi dwar jekk il-possbilità ta’ metro għadhiex qed tiġi kkunsidrata Mercieca qal li l-proġett li qed imexxi hu dejjem kien dwar mina għall-karozzi.

Filmat: “Mina b’metro u għall-karozzi mhix possibli li ssir” – Franco Mercieca

‘Ir-raba’ vapur għen ħafna imma mina toffri aċċessibilità garantita’

Dan is-sajf il-kumpanija Gozo Channel għamlet użu mill-vapur Nikolaos biex itaffi mill-piż li jġib miegħu dan l-istaġun. Il-queues naqsu u l-vjaġġi żdiedu. Mistoqsi dwar jekk erba’ vapuri permanenti humiex is-soluzzjoni minflok mina, Mercieca qal li għalkemm ir-raba’ vapur għen ħafna, mina toffri servizz li wieħed aktar ikun jista’ joqgħod fuqu matul is-sena kollha.

Mercieca qal li r-raba’ vapur “għen immens” u li personalment illum lanqas għadu jfittex l-iskeda tal-vapuri biex jara ta’ x’ħin ikun imiss għax hemm ċertu ħinijiet li fihom il-vapuri jaħdmu kull nofsiegħa.

In-Nikolaos se jibqa’ sakemm joħroġ tender ieħor – Caruana

Skont Mercieca, għalkemm ir-raba’ vapur għen ħafna matul dan is-sajf, fix-xitwa l-maltemp huwa problema. Qal li jkun hemm ġranet fejn il-vapuri jridu jgħaddu minn wara Kemmuna u ġranet oħra fejn ma jistax jintuża’ l-moll tat-tramuntana fiċ-Ċirkewwa.

“Drajna b’servizz eċċellenti u x’ħin ħa niġu f’sitwazzjoni bil-maltemp u skeda li ma tibqax l-istess jew iddum jew imprevedibbli aktar se narawha kerha llum milli rajniha lbieraħ,” qal Mercieca. Żied jgħid li b’mina l-aċċessiblità hija garantita sajf u xitwa.

Dwar it-tħassib ta’ dawk li jistaqsu x’jiġri f’każ ta’ xi inċident fil-mina, Mercieca qal li t-tim tiegħu ltaqa’ mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) u li sar evalwazzjoni tar-riskji. Qal li kollox se jkun skont l-istandards u li se jkun hemm miżuri ta’ sigurtà li wieħed isibhom f’mini oħra fl-Ewropa. Mercieca qal ukoll li hemm ħafna esperti li jgħidu li huwa aktar sigur li wieħed ikun f’mina waqt terremot milli fuq l-art.

‘L-istudju dwar l-impatt ambjentali tal-mina jdum madwar sena’

F’Marzu li għadda, il-Gvern kien qal li r-rżultati preliminari tal-Istudji dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) tal-mina kienu se jiġu ppubblikati fix-xhur ta’ wara. Issa, madwar ħames xhur wara, Mercieca qal li l-EIA għadu għaddej u li jieħu mill-inqas sena minħabba li wieħed irid jikkonsidra l-erba’ staġuni.

‘Il-London School of Economics qed tanaliżża l-ispejjeż tal-mina’

Mercieca qal li bħalissa għaddej l-aġġornament tal-analiżi tal-beneffiċċji tal-ispiża (CBA) mill-London School of Economics. Qal li ma saritx pressjoni fuqhom biex jippubblikaw għax iridu “l-aħjar riżultati”.

Mercieca qal ukoll li ħarġet sejħa fl-aħħar tas-sena l-oħra biex il-Gvern ikollu tim li jmexxi l-proġett. Spjega li saret l-aġġudikazzjoni u li qed jistennew biex jaraw hemmx appelli mit-tender. Wara dan, jitħabbar it-tim magħżul.

“L-istudji kollha li se jkollna se jiġu ppubblikati”, qal Mercieca.

Il-mina: “Żieda fl-għoli tal-ħajja”; “Kwalità ta’ ħajja aħjar”?

Filmat: Miguela Xuereb