Filmat: “L-għalliema u l-LSEs b’obbligu biex ikomplu jgħallmu” – il-Ministru

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li mhux minnu li l-LSEs u l-għalliema mhumiex obbligati li jibgħatu x-xogħol lill-istudenti. Huwa qal dan meta wieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar studenti li mhux jirċievu t-tagħlim neċessarju mingħand l-għalliema u l-LSEs tagħhom. Il-Ministru kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-edukazzjoni.

Huwa qal li t-Taskforce li għamel il-Ministeru bejn l-imsieħba kollha fil-qasam edukattiv wasal għad-deċiżjoni li l-għalliema kollha jkunu obbligati li jibqgħu jagħmlu online schooling. Ħabbar ukoll li lbieraħ intlaħaq qbil biex l-għalliema jifthemu mal-Head tagħhom x’se jkunu qed jgħallmu u fl-aħħar tat-tgħallim jagħtu rendikont ta’ dak li għallmu biex skont il-Ministru dejjem intejjbu l-kwalità tat-tagħlim.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li għadd ta’ ġenituri kellhom jirrikorru biex iħallsu għal tagħlim privat għal uliedhom minħabba n-nuqqas ta’ tagħlim li kienu qed jirċievu uliedhom.

Għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet interni għall-benefiċċju lill-istudenti

Mistoqsi wkoll minn Newsbook.com.mt dwar il-benefiċċju li suppost qed jieħdu l-istudenti li kienu ħaddiema part-time, il-Ministru wieġeb billi qal li d-diskussjonijiet interni għadhom għaddejjin biex tinstab soluzzjoni. Huwa qal li minħabba li l-istudenti jirċievu l-istupendju, il-benefiċċju marbut max-xogħol part-time sa issa mhux qed jingħata. Stqarr li din kienet deċiżjoniji insensittiva għax qal li ma jaqbilx ma’ min jipprova jġelled grupp ta’ ħaddiema kontra ieħor.

Huwa qal li bħalissa qed isir eżerċizzju li permezz tiegħu qed jiġu identifikati gruppi ta’ ħaddiema oħrajn. Spjega li qed isir pjan ta’ kontinġenza biex il-problema tiġi indirizzata ħolistikament.

Tnaqqis fl-applikazzjonijiet ta’ SkolaSajf

Din is-sena kkumparat mas-snin l-oħra applikaw anqas tfal għal SkolaSajf. Il-Ministru qal li f’dan iż-żmien is-soltu jkunu applikaw mal-10,000 persuna, din id-darba applikaw 3,000. Huwa sostna li l-pjan hu li SkolaSajf tibda fl-1 ta’ Lulju iżda qal li l-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkun qed joħroġ aktar informazzjoni eqreb lejn din il-ġurnata.

Mistoqsi jekk hux kunfidenti jekk l-iskejjel jerġgħu jiftħu f’Settembru li ġej, il-Ministru qal li huwa kunfidenti wkoll li jsiru l-eżamijiet tal-O u l-A Levels li huma ppjanati li jsiru f’Settembru li ġej.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn