Filmat: “L-għalliema preparati jgħallmu online jekk ikun hemm bżonn” – MUT

Read in English.

Marco Bonnici, il-President tal-Unjin tal-Għalliema f’Malta (MUT), qal li mhuwiex minnu li qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana li jekk it-tagħlim imurx online jiddependi mill-edukaturi. Bonnici anzi saħaq li l-għalliema huma preparati li jgħallmu online jekk ikun hemm il-ħtieġa.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Bonnici ċaħad l-istqarrija tal-Ministru u sejħilha “invenzjoni,” qal li ma jafx min ħolom biha u għaliex il-Ministru rreferiet għaliha.

Huwa spjega li f’Marzu li għadda, l-għalliema qalbu għat-tagħlim online mil-lejl għan-nhar, mingħajr preparazzjoni. Illum il-ġurnata, għalkemm l-iskejjel huma miftuħin, xorta waħda qed isir tagħlim online għal xi studenti, pereżempju dawk vulnerabbli. Sostna li min-naħa tal-edukaturi, m’hemm l-ebda xkiel li t-tagħlim ikun online u mhux fl-iskejjel jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija tiggrava.

Mistoqsi jekk sarx assessjar ta’ kemm hawn studenti li m’għandhomx ir-riżorsi biex isegwu online, Bonnici rrefera għal studju li kien wettaq il-Ministeru tal-Edukazzjoni f’Marzu, flimkien mas-social workers, li kien wassal biex dawk l-istudenti neqsin mir-riżorsi jingħataw dak li għandhom bżonn biex isegwu.

Każijiet fl-iskejjel: “Mhix sitwazzjoni differenti minn postijiet tax-xogħol oħra”

Fuq il-qbil li ntlaħaq wara l-istrajk bejn l-awtoritajiet u l-MUT, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u tal-Gvern, Bonnici qal li parti mill-qbil hu li issa l-unjin se tiġi infurmata kull ġimgħa kemm ikun hemm każijiet fl-iskejjel.

Dwar il-każijiet li kien hemm bejn Ottubru u Diċembru, huwa qal li mhix sitwazzjoni differenti minn postijiet tax-xogħol oħra.

Mistoqsi fuq l-ispjegazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet li meta l-istudenti jkunu l-iskola, il-każijiet jonqsu, il-President tal-MUT qal li l-istatistika spjegata mill-awtoritajiet tas-saħħa u mill-espert Dr Vincent Marmarà turi li qabel infetħu l-iskejjel f’Ottubru, l-għadd tal-każijiet kien għoli. Meta fetħu, in-numru ta’ każijiet naqas. Huwa stqarr li dan ma kienx bilfors minħabba l-iskejjel, anke peress li tħarrxu l-miżuri dak iż-żmien, madankollu hemm dik il-possibbiltà.

Xi għalliema ħassewhom offiżi b’din l-istqarrija għaliex ma jħossux li hu ġust li huma jiġu trattati daqslikieku huma babysitters. Marco Bonnici qal li min-naħa tal-MUT, iħossuh ukoll dan is-sentiment huma xi drabi, u jagħrfu li hemm żbilanċ meta wieħed jgħarbel l-aspett edukattiv u l-ħtiġijiet tal-familji biex imorru għax-xogħol.

Aktar nies għall-contact tracing fl-iskejjel; l-għalliema jitlaqqmu qabel

Tnejn mill-ftehimiet bejn l-MUT u l-awtoritajiet tas-saħħa kienu li jissaħħu l-miżuri marbutin mal-coronavirus fl-iskejjel, u li l-għalliema jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19 qabel intenzjonat li jiħduh.

Dwar il-miżuri, il-President tal-MUT stqarr li dil-ġimgħa stess se jiżdiedu n-nies li jagħmlu l-contact tracing fl-iskejjel. Dan qed isir fuq talba tal-MUT stess billi nnutat li kien hemm skejjel b’każijiet sporadiċi li beda jirnexxilhom iżommu l-każijiet taħt kontroll, iżda kien hemm oħrajn li ma bdewx ilaħħqu mal-ammont ta’ każijiet li kellhom. Għalhekk, dawk li jaħdmu fuq il-contact tracing se jirduppjaw.

Apparti dan, l-għalliema ġew imwiegħda li se jingħataw il-vaċċin qabel suppost, fl-ewwel parti tat-tielet skeda tat-tilqim. Minkejja dan, Bonnici wera t-tħassib tiegħu li l-Gvern qed jaqa’ lura fil-programm tat-tilqim imħabbar. Stqarr li bosta edukaturi huma mħassbin fuq hekk, u jemmnu li l-programm għandu jinżamm kif inhu għaliex ir-ritorn għan-normalità jiddependi minnu.

Meta reġgħu fetħu l-iskejjel ilbieraħ, l-għalliema sabu lilhom infushom jidħlu lura fir-rutina, skont ma qalu lill-unjin tagħhom. Il-President tal-MUT iżda saħaq fuq il-ħtieġa li l-protokolli jibqgħu jiġu implimentati b’mod sħiħ u l-ħin kollu, sabiex is-suċċess li nkiseb fil-kontroll tal-imxija fl-iskejjel qabel il-btajjel tal-Milied jinżamm.

L-intervista sħiħa

Taħseb li l-għalliema preparati biex jgħallmu online?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt