Filmat: ‘L-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja għandhom jitħallew jgħallmu skont it-tagħlim tal-Knisja’

Read in English.

Ir-Rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi Fr Jimmy Bartolo qal l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja għandhom jitħallew jgħallmu skont it-tagħlim tal-Knisja.

Fr Jimmy Bartolo, Ġiżwita, qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fil-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart. Ġie mistoqsi dwar l-Abbozz ta’ Liġi propost dwar l-Ugwaljanza.

Fr Bartolo huwa wkoll il-Koordinatur tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja.

Huwa qal li l-ugwaljanza hija parti integrali mit-tagħlim tal-Knisja. Saħaq li wieħed m’għandu jagħmel ebda distinzjoni bejn persuna jew oħra hi min hi. Saħaq li l-Knisja hija kontra kull tip ta’ deskriminazzjoni – inkluż dik dwar reliġjon, orjentazzjoni sesswali, u kulur tal-ġilda.

Fr Bartolo qal li huma kontra Artiklu 6 u 15 tal-Abbozz tal-Liġi 96 dwar l-Ugwaljanza.

Ir-Rettur qal li l-ġenituri jibgħatu lit-tfal fi skejjel tal-Knisja għal ħafna raġunijiet. Fost ir-raġunijiet hemm dik li t-tfal se jingħataw formazzjoni reliġjuża tajba. Saħaq li l-ġenituri għandhom dritt fundamentali li jibgħatu lit-tfal fejn jixtiequ huma.

Skont Fr Bartolo, jekk il-liġi tidħol fis-seħħ l-għalliema ma jkunux jistgħu jgħallmu t-tagħlim tal-Knisja f’lezzjonijiet li mhumiex tar-reliġjon.

Bħala eżempju qal li għalliem tal-bijoloġija ma jkunx jista’ jgħid li l-ħajja tibda mill-konċepiment. Għalliem tar-reliġjon ikun jista’.

Saħaq li l-ethos tidħol f’kull ma jsir fi skola inkluż il-lezzjonijiet, l-attivitajiet, il-missjoni, u l-viżjoni.

Fr Bartolo qal li għalliem li jikser il-liġi jista’ jiġi akkużat li qed jagħmel deskriminazzjoni, anke min-nies li ma jkunux parti mill-kulleġġ li jgħallem fih. Qal li hemm ħafna ġenituri nkwetati b’din il-liġi.

Ir-Rettur qal li qed issir talba biex il-liġi tinbidel biex entitajiet reliġjużi jkunu jistgħu jgħallmu skont l-ethos tagħhom.

Oġġezzjoni tal-kuxjenza

Fr Jimmy Bartolo qal ukoll Ii hemm bżonn klawżola li tippermetti l-oġġezzjoni tal-kuxjenza.

Qal li b’klawżola bħal din jekk per eżempju l-abort isir legali f’Malta, tabib ikollu d-dritt li jirrifjuta milli jwettaq l-intervent mediku abbażi tal-fidi tiegħu.