Filmat: L-għajn ta’ tfittxija għal ħajja aħjar

Mediterran - Amber Marie Coleiro

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista MEDITERRAN - Amber Marie Coleiro Joe Julian Farrugia, Andrew Zammit)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Friday, August 21, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Mediterran

Kantanta: Amber Marie Coleiro

Kliem: Joe Julian Farrugia

Mużika: Andrew Zammit

Baħar li minkejja s-sekli li għandu fuqu, xorta jibqa’ żagħżugħ u mimli misteri minn żmien il-kursari, taqbid bejn ġnus ġirien u mbiegħda minħabba l-qagħda għanja tiegħu bejn kulturi, kontinenti, reliġjonijiet u interessi diversi. Baħar dinamiku li jinbidel ta’ kuljum, skont il-ħin, skont it-temp, skont l-istaġun kif ukoll skont il-burdata tal-bniedem u l-azzjonijiet tiegħu. Iż-żmien immaturah lill-baħar u llum nittamaw li għalina u għal uliedna jkun baħar tas-sliem, tal-libertà, l-għajn ta’ tfittxija għal ħajja aħjar. Jiġri x’jiġri jibqa’ misterjuż għal dejjem.

Amber Marie Coleiro twieldet fl-2003. Attendiet l-Iskola Primarja tal-Fgura u l-Iskola Sekondarja taż-Żejtun u fil-preżent tattendi s-Sixth Form ta’ San Alwiġi. Fl-2013 bdiet titgħallem tkanta f’La Voix Academy u f’Mejju tal-2016 kompliet titħarreġ għand Tiziana Calleja f’CentreStage. Matul is-snin ipparteċipat f’diversi konkorsi fejn dejjem ikklassifikat mal-ewwel tliet postijiet. F’Marzu tal-2019 ipparteċipat f’L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala backing vocalist u ddeċidiet li tipparteċipa f’L-Għanja tal-Poplu ta’ din is-sena.  

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.