Filmat: “L-għadu li għandna llum huwa wieħed li ma jidhirx” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-għadu li qed jaffaċċja llum il-poplu Malti huwa wieħed inviżibbli u għalhekk iżjed perikoluż minn kull għadu ieħor.

Dan qalu fil-messaġġ tiegħu f’Jum il-Ħelsien. Delia sostna li l-istorja ta’ Malta hija dik ta’ gżira ċkejkna bi ftit riżorsi. Qal iżda li hija wkoll storja ta’ poplu li mal-medda taż-żmien kellu l-abbiltà li jaffaċċja sfidi kbar. Spjega kif Malta għaddiet minn assedji li kienu jinvolvu qawwiet militari li kienu ġganti, iżda meta affaċċjati b’assedju, iċ-ċittadini Maltin ingħaqdu bħala poplu. Sostna li minkejja l-gwerer li poplu għadda minnhom, uħud kontra għedewwa kbar, il-pajjiż irnexxa anka billi baqa mċaħħad minn ħafna.

Delia rrimarka li llum qed jinkiteb kapitlu ieħor ta’ nazzjon qalbieni. Qal li l-isfida preżenti hija waħda kontra għadu li din id-darba ma jidhirx, huwa inviżibbli u allura iżjed perikoluż. Qal li għalhekk għal darb’oħra, l-isfida tal-poplu hija dik li jsib is-saħħa u r-reżiljenza u li jiġġieled konta l-ikbar għawġ. Insista li l-kapaċità u l-perseveranza ta’ poplu li jissaporti u jiċċaħad minn ħafna juri fehma li hemm bżonn għaqda biex din il-ġlieda tintrebaħ. Qal li din hija ġlieda għal darb’oħra għall-ħelsien u għal-libertà.

Hu sostna li jemmen fil-poplu Malti u għandhu l-kuraġġ li din il-gwerra se tintrebaħ. Insista li hemm bżonn li kulħadd jifhem li f’din il-ġlieda m’hemmx kuluri u distinzjonijiet. Insista li jrid ikun hemm l-abbiltà li min għandu ħafna jgħin lil min għandu ftit jew m’għandu xejn. Insista li hemm bżonn li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox. Delia qal li dan huwa mument fejn it-tfal għandhom ikunu mgħallma dak li huwa importanti u b’hekk jaraw li anke fil-gwerra l-edukazzjoni trid tibqa’ tingħata. Qal li hemm bżonn jingħata l-komfort lill-anzjani li jinsabu maqfulin fi djarhom meta fiżikament mhux qed ikollhom min iżurhom. Appella għall-kuraġġ għall-ħaddiema u n-negozji tagħna sabiex dawn jingħataw l-għajnuniet meħtieġa biex jirnexxu.

“Irridu nsibu l-kuraġġ, irridu nsibu ġewwa qalbna u ġewwa ruħna dak li verament jagħmilna Maltin u Għawdxin. Ejja niġġieldu din il-ġlieda flimkien, ejja nerġgħu nirbhu l-ħelsien tagħna flimkien bħala poplu wieħed, magħqudin,” temm jgħid Delia.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn