Filmat: “L-għadd ta’ persuni li jabbużaw mid-droga mhuwiex allarmanti” – Grixti

Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benessri Soċjali (FSWS), qal li n-numru ta’ persuni li jabbużaw mid-droga mhuwiex allarmanti, speċjalment meta kkumparat mas-sitwazzjoni barra minn Malta, minkejja li fil-midja jidhru diversi stejjer ta’ abbuż mid-droga u traffikar tad-droga.

Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet biex tfakkar il-25 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa, li l-pijuniera tagħha kienet it-tabiba Maria Sciberras. Din għada se titfakkar f’lekċer imsemmi għaliha organizzat ukoll mill-FSWS.

Grixti qal li l-ġlieda kontra d-droga qiegħda tintrebaħ. Fiehem li f’Malta, 0.6% tal-popolazzjoni jabbużaw mid-droga, u qal li kien hemm żieda fin-numru ta’ nies li jattendu d-Drugs Community Team, fejn dawn jaffaċċjaw u jitkellmu fuq il-vizzju tagħhom. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-mentalità f’Malta tinbidel fejn jidħol l-alkoħol. Qal li ġeneralment, il-Maltin jirraġunaw li ftit alkoħol ma jagħmilx ħażin, u b’hekk donnhom jinnegaw kemm fil-fatt jista’ jkun ta’ ħsara x-xorb żejjed. Qal li ħafna drabi, ikun ix-xorb li jwassal għal vizzji oħrajn.

Liem servizz tas-Sedqa qed jirrendi l-iżjed frott?

Minkejja li qal li s-servizzi kollha tas-Sedqa qed ikunu ta’ benefiċċju kbir għas-soċjetà Maltija, Grixti enfasizza x-xogħol siewi li qegħdin iwettqu dawk li jaħdmu fit-Taqsima tal-Prevenzjoni. Qal li dawn il-ħaddiema huma dedikati ħafna, tant li diġà għandhom lista fuq il-kalendarju tas-sena d-dieħla ta’ attivitajiet fejn hemm possibbiltà li jkun hemm id-droga, sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu preżenti u jgħinu kif jistgħu.

Kemm iċ-Chairperson tal-FSWS, Joe Gerada, u d-Direttur tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, saħqu fuq il-fatt li dan is-servizz kellu jaddatta ħafna tul dawn il-25 sena li ilha teżisti s-Sedqa, peress li ċ-ċirkostanzi nbidlu ferm mit-twaqqif tagħha. Gerada tkellem partikolarment fuq kif illum parti kbira mix-xogħol tas-Sedqa hu li tara kif jistgħu jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà nies li jkunu jabbużaw mis-sustanzi ladarba jirnexxilhom jegħlbuhom.

Scerri tkellem dwar il-ħidma tas-Sedqa fil-komunità mil-lat ta’ għarfien, peress li jsiru diversi sessjonijiet fl-iskejjel dwar ħiliet tal-ħajja, l-ibbuljar, l-istima tal-istudenti nfushom, peress li dawn l-affarijiet kollha jistgħu eventwalment iwasslu għal abbuż mis-sustanzi.

Filmat: Miguela Xuereb