Filmat: L-FSWS tqassam 17,000 xirja ffinanzjata mill-Gvern

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) qassmet total ta’ 17,000 xirja lil persuni fil-bżonn bħala parti mill-proġett ta ‘state-funded food distribution’.

Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali ġie spjegat li l-proġett li ra t-tqassim ta’ 16,000 ikla f’Malta u 1,000 ikla f’Għawdex wasal fi tmiemu. Dan ġie jiswa total ta’ €300,000. Din is-sena, il-kaxxi tal-ikel tqassmu fid-djar bħala prevenzjoni biex ma jkunx hemm tixrid tal-coronavirus.

It-tqassim tal-ikel sar tul l-aħħar jiem f’diversi lokalitajiet mit-Tramunta san-Nofsinhar ta’ Malta, kif ukoll f’Għawdex.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li dan l-eżerċizzju wera l-effiċjenza tal-ħaddiema tal-FSWS, li mhux biss ħadu ħsieb it-tħaddim  tas-sistema, iżda qassmu l-ikel fid-djar f’temp qasir u kkordinat.

Min-naħa tagħha, il-Manager tal-FSWS, Elaine Aquilina qalet li qed jagħmlu anki kuntatt telefoniku ma’ iktar persuni vulnerabbli sabiex jaraw li għandhom il-bżonnijiet meħtieġa. Intant, min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, qal li permezz ta’ dawn it-telefonati qed isiru jafu b’aktar problemi li jaf ikollhom dawn il-familji u b’hekk ikunu jistgħu jsibu aktar mexxi biex jgħinuhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn