Filmat: L-FKNK temmen li l-BirdLife hi l-kaġun tal-azzjoni tal-KE kontra Malta

Read in English.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) temmen li l-BirdLife għandha x’taħti talli l-Kummissjoni Ewropea ħadet passi kontra Malta fuq il-kaċċa u l-insib.

F’konferenza stampa llum, l-FKNK akkużat lill-Kummissjoni Ewropea, li sejħitilha “intransiġenti,” li aġixxiet fuq rapporti żgwidati tal-BirdLife. Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia saħansitra qal li l-NGO qed tagħmel il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta biex tagħmel gwadann finanzjarju.

B’referenza għas-Segretarju Ġenerali tal-BirdLife Saviour Balzan, l-FKNK qalet: “Fl-opinjoni tal-FKNK, il-problema ta’ Balzan u l-BirdLife Malta mhux il-protezzjoni tal-għasafar imma l-protezzjoni tal-flus kbar li jirriskjaw li jitilfu jekk ma jkomplix dan il- konfront.”

Lino Farrugia semma mill-ġdid kwistjoni li sikwit tqajjem l-FKNK, li l-konċessjoni kontroversjali li ngħatat il-federazzjoni biex tieħu ħsieb il-Miżieb u l-Aħrax torbot lill-federazzjoni biex timmaniġġja dawn is-siti minn butha stess, filwaqt li organizzazzjonijiet ambjentali jirċievu l-fondi biex jieħdu ħsieb siti li jkunu inkarigati minnhom. Ġab eżempju biż-żewġ irziezet storiċi tal-Buskett, li wieħed minnhom ingħata lill-FKNK u l-ieħor lill-BirdLife. Insista li la r-Razzett tal-Bosk ma jqallax flus lill-NGO, mhux jiġi salvagwardjat sew.

Min-naħa tagħha, fi stqarrija llum, il-BirdLife qalet li t-tort għall-proċeduri meħudin kontra Malta huwa tal-pariri żbaljati tal-Ministru Clint Camilleri, li hu l-Ministru responsabbli għall-kaċċa.

Camilleri rreaġixxa għal dan fuq Facebook billi qal li li hu żgur hu li l-pariri mhumiex se jittieħdu mingħand min iħammeġ isem Malta f’pajjiżi barranin.

Mingħand min taħsbu li l-Gvern għandu jieħu l-pariri rigward il-kaċċa u l-insib li skond 👇🏻 huma “drawwiet skaduti”❓…

Posted by Clint Camilleri on Saturday, December 5, 2020