Filmat: L-ewwel xeni minn Top Gun 2

Ħareġ l-ewwel trailer uffiċjali tas-sequel ta’ Top Gun li se jkun qed jiddebutta fiċ-ċinema madwar id-dinja fis-26 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla.

Tom Cruise se jkun mill-ġdid qed jinterpreta l-karattru ta’ Pete “Maverick” Mitchell. Val Kilmer ukoll se jkun qed jirritorna bħala Tom “Iceman” Kazansky, li deher bi prominenza fl-ewwel film tal-1986.

L-ewwel Top Gun kien kiseb suċċess kbir u s-silta mużikali Take My Breath Away interpretata minn Berlin, laħqet il-quċċata ta’ bosta klassifiċi madwar id-dinja.

Fil-film il-ġdid Kelly McGillis mhux se terġa’ tidher iżda l-kast, minbarra Cruise u Kilmer se jinkludi lil Jennifer Connelly, Jon Hamm, Glen Powell, u Ed Harris.

Il-produzzjoni fuq dan il-film nbeda fit-30 ta’ Mejju 2018 u f’Awwissu nbeda xi filming fuq l-aircraft carrier USS Abraha Lincoln. Fi Frar ta’ din i-sena, il-krew intlemaħ jiffilmja fuq il-USS Theodore Roosevelt.

L-ewwel trailer uffiċjali ta: Top Gun 2: Maverick ġie mniedi nhar il-Ħamis minn Tom Cruise nnifsu waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Comic Con li sar f’San Diego. Fl-aħħar sigħat l-istess trailer ittella’ wkoll fuq il-midja soċjali u mill-kummenti s’issa jidher li hemm stennija kbir għalih!