Filmat: L-ewwel xeni mill-film Fatima

Fl-aħħar sigħat beda jdur fuq il-midja soċjali l-film Fatima li se jkun qed jinħareġ nhar l-24 ta’ April fiċ-ċinema fl-Istati Uniti. Għad mhux magħruf jekk dan il-film hux se jkun qed jinħareġ fl-istess jum fiċ-ċinema madwar id-dinja, inkluż Malta.

Kif jindika l-isem il-film se jkun qed iwassal il-ġrajja mirakoluża tat-tlett it-tfal Lucia, Jacinta u Francisco li f’bosta okkażjonijiet kellhom il-viżjoni tal-Madonna, u minkejja li kienu taħt theddida mill-awtoritajiet li ma emmnux dak li t-tfal kienu qed isostnu li kienu qed jaraw, it-tfal baqgħu konsistenti u waslu biex eluf imorru jitolbu magħhom.

Stephanie Gil (Terminator: Dark Fate), Lúcia Moniz (Love, Actually), Joaquim de Almeida (“Queen of the South”), Goran Visnjic (Beginners), Sonia Braga (Aquarius) u Harvey Keitel (The IrishmanThe Piano) se jkunu qed jinterpretaw il-partijiet ewlenin f’dan il-film b’direzzjoni ta’ Marco Pontecorvo.

Fil-film tinstema’ wkoll il-vuċi ta’ Andrea Bocelli li jinterpreta l-kanzunetta oriġinali Gratia Plena, kompożizzjoni ta’ Paolo Buonvino.

F’temp ta’ jumejn minn mindu tnieda l-ewwel trejler ta’ dan il-film jidher li tqanqal ħafna interess li se jwassal biex Fatima jkun fost l-aqwa films li jkunu nħarġu matul din is-sena.