Filmat: L-ewwel xeni mid-drama televiżiva Elf Metodu

Ritratt: Facebook

Fl-aħħar sigħat tnieda l-ewwel filmat promozzjonali tad-drama televiżiva ġdida Elf Metodu li se tkunu tistgħu tibdew issegwu fuq l-istazzjon One minn Ottubru li ġej.

Miktuba minn Simon Bartolo fuq ħsieb ta’ Mark Doneo, din il-produzzjoni, deskritta bħala black comedy, tiżvolġi madwar il-karattru ta’ Karen, parukkiera li tkun abbużata fiżikament u psikoloġikament minn żewġħa.

Hi spiss toħlom kif teħles minnu, iżda dawn ikunu biss fantasiji u l-mara lanqas biss għandha kuraġġ li twettaq il-ħsibijiet tagħha.

Iżda ħajjitha tinbidel minn lejl għan-nhar meta żewġha Deemer imut b’mod vjolenti.

Tgħid qatlitu hi? Jew miet b’inċident?

Hemm xhud wieħed biss… u dan huwa l-kelb Elvis!

Elf Metodu se tkun maqsuma fuq 13-il puntata u se nkunu qed naraw fiha lil Louise Doneo, Alexia Pace, Jean Pierre Cassar, Sandra Davis, Lawrence Buontempo, Krista Vella, Christine Francalanza, Rowena Gauci Davison, Silvio Axisa u Alison Abela.

Bi produzzjoni ta’ Mad Movies Productions, din is-sensiela għandha direzzjoni ta’ Jameson Cucciardi.