Filmat: L-ewwel seabin fl-Ewropa li jaħdem bix-xemx f’San Ġiljan

Read in English.

Seabin li tqiegħed fi Spinola f’San Ġiljan huwa l-ewwel seabin fl-Ewropa li jaħdem bl-enerġija tax-xemx.

Dan is-seabin qed isir b’inizjattiva tal-kumpaniji ProHealth, Strand Marine u l-NGO Żibel. Newsbook.com.mt tkellem ma’ John Jaccarini, wieħed mid-diretturi u fundaturi tal-kumpanija ProHealth, li qegħdin jiffinanzjaw dan is-seabin b’€10,000, u anke ma’ Matthew Travers, id-Direttur ta’ Strand Marine. Jaccarini qal li minkejja li hawn għadd ta’ seabins madwar Malta, dan huwa l-ewwel wieħed li jaħdem permezz tar-raġġi tax-xemx.

L-idea ta’ ProHealth ġiet meta l-Kumitat ra x’jista’ jagħmel għat-titjib tal-ambjent. Il-kumpanija ħadet inizjattivi interni billi biddlet il-bozoz kollha għal LEDs, imma rat kif tista’ tieħu inizjattivi esterni wkoll. Minn hemm nibtet l-idea ta’ seabin, anke peress li huwa marbut ma’ xi ħaġa li taffettwa lill-Maltin: il-baħar.

Iż-żewġ diretturi spjegaw li dan is-seabin jaħdem billi għandu pompa tal-ilma li toħloq kurrent, u fil-proċess jinġabar dak li jkun hemm fl-ilma: minn plastik sa terrapien sa żjut u ħmieġ ieħor li jintefa’ fil-baħar. Irid jitnaddaf kull jumejn. Mill-ħmieġ li jiġbor is-seabin, tkun tista’ tinġabar statistika ta’ x’inhu l-ħmieġ li jintrema l-iżjed mill-Maltin. Travers spjega li kull seabin li hawn installat madwar Malta jiġbor daqs nofs tunnellata skart fis-sena. Qal li fost l-iskart li jinqabad, l-iżjed li jiltaqgħu miegħu huwa l-plastik u anke l-loqom tas-sigaretti. Qal li s-seabin huwa tajjeb ħafna wkoll għaliex jaqbad saħansitra l-mikroplastik.

Travers qal ukoll li dan il-kunċett inħoloq snin ilu minn disinjatur Awstraljan li vvinta l-magna. Huma segwew dan il-proġett u eventwalment irnexxielhom jimplimentawh Malta. Is-seabin ta’ San Ġiljan ġie ddisinjat lokalment.

Id-Direttur ta’ ProHealth żied jgħid li ma jeskludux li joħolqu seabins oħra, imma sadattant qed jittamaw li din l-inizjattiva tagħhom tqajjem kuxjenza fost NGOs u kumpaniji oħra biex jaraw x’jistgħu jagħmlu huma għall-ħarsien tal-ambjent. Qal li minn meta bdiet il-kumpanija, prinċipju ewlieni fiha kien is-saħħa u l-ambjent, għalhekk, permezz ta’ dan is-seabin qegħdin jagħmlu aġir verament pro-health, favur is-saħħa.

Is-seabin jinżel għasel ma’ Metsola

Dan is-seabin diġà ġibed l-attenzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, li faħħret din il-kollaborazzjoni, u qalet li tixtieq tara iżjed inizjattivi bħal dawn. Qalet li t-tir li jmiss hu li Malta u Għawdex ikunu l-ewwel gżejjer li jieqfu jużaw il-plastik li jintuża darba.

Fantastic to see Europe’s first solar-powered Sea Bin operational in St Julian’s, collecting maritime litter. Well done…

Posted by Roberta Metsola on Thursday, August 8, 2019

Travers temm jgħid li f’Malta b’kollox għandu jkun hawn 10 seabins, uħud minnhom diġà ġew installati filwaqt li oħrajn għandhom jitlestew sa xahrejn oħra. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku u lil kull min jinteressah mill-ambjent sabiex jgħin lil Strand Marine tkompli taħdem favur l-ambjent billi jagħti xi ħaġa tal-flus għal iżjed inizjattivi ta’ dan it-tip.

Tista’ tgħin lil Strand Marine billi tikklikkja hawn.