Filmat: L-ewwel prova tal-grupp Firelight

Fil-belt Daniża Copenhagen il-grupp Firelight għadu kemm temm l-ewwel prova tal-kanzunetta Coming Home.   Minkejja li kienet l-ewwel prova għall-grupp, il-kanzunetta instemgħet b'enerġija qawwija.
Meta tkellem ma' Newsbook.com.mt il-kap eżekuttiv tad-delegazzjoni Maltija Anton Attard stqarr li qabel il-prova ta' dalgħodu kien anżjuz biex jara li kollox jimxi tajjeb. Minkejja li jkun sar ħafna xogħol ta' produzzjoni minn qabel, xorta waħda jgħid li jkun jistenna din l-ewwel prova biex jara li kollox jimxi tajjeb. Wara l-ewwel prova jħossu aktar kalm u ħerqan biex titkompla l-ħidma biex il-kanzunetta Coming Home tintlaqa' tajjeb fit-tieni semifinali tal-Ħamis 8 ta' Mejju. 
Din is-sena l-kumitat organizzattiv ħareġ ukoll bl-idea li fl-isfond tal-kanzunetta jidhru numru ta' selfies ta' Maltin u Ewropej li jsegwu dan l-akbar avveniment mużikali Ewropew segwit minn aktar minn mija u ħamsin miljun ruħ madwar id-dinja.
Il-grupp Firelight issa jkompli bil-promozzjoni tiegħu tal-kanzunetta bit-tama li jagħmilha għall-finali tas-Sibt 10 ta' Mejju.  Il-prova li jmiss hija nhar is-Sibt li ġej wara nofsinhar.
Newsbook.com.mt ikompli jaġġornakom kontinwament bl-aħħar żviluppi b'mod dirett mid-Danimarka.