Filmat: L-ewwel messaġġ ta’ Ferguson wara l-operazzjoni

Sir Alex Ferguson, l-eks maniġer tat-tim tal-futbol Ingliż Manchester United, għadu kemm ħareġ l-ewwel messaġġ tiegħu wara l-operazzjoni li kellu ta’ emoraġġija tal-moħħ.

L-Ingliż ta’ 76 sena rringrazzja lit-tim mediku talli salvawlu ħajtu, wara operazzjoni ta’ emerġenza li saritlu f’Mejju.

F’filmat li xerred it-tim tal-Manchester onlajn, huwa rringrazzja minn qiegħ qalbu lill-ħaddiema fl-isptarijiet Macclesfield, Salford Royal u Alexandra.

“Mingħajrhom, ma kontx inkun qiegħed hawn illum,” qal Ferguson.

Huwa qal li se jirritorna iżjed tard biex ikompli jsegwi lit-tim, u awgura lill-kowċ  Jose Mourinho u lill-plejers.

Ferguson irċieva bosta messaġġi ta’ inkoraġġiment, fosthom mingħand l-eks stilla tal-United Cristiano Ronaldo, li qallu biex jibqa’ sod, u David Beckham li qallu jibqa’ jissielet għal ħajtu.

Huwa rtira minn maniġer tal-kowċ fl-2013 wara 26 sena mat-tim, u jibqa’ msemmi bħala l-aktar maniġer li għamel success fl-istorja tal-futbol Ingliża.