Filmat: L-ewwel laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN għal Bernard Grech

Read in English.

Fl-ewwel laqgħa tal-Eżekuttiv għal Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-membri approvaw mozzjoni li biha b’mod unanimu qablu li għandu jkun hu li jieħu s-siġġu tal-eks Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo li aktar kmieni rriżenja mill-Parlament.

B’hekk il-PN qed iwitti t-triq biex Bernard Grech jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni.

Għada Bernard Grech jieħu l-ġurament ta’ deputat Nazzjonalista u l-kariga uffiċjali tal-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ssir l-Erbgħa bil-ġurament fl-Uffiċċju tal-President biex wara Bernard Grech jidħol il-parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Fi stqarrija, il-PN qal li tul l-istess laqgħa l-Kumitat Eżekuttiv irringrazzja lil Adrian Delia għall-ħidma li wettaq għall-PN u għall-pajjiż matul dawn l-aħħar tliet snin.

Saru ukoll ringrazzjamenti lid-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tal-ġest li bih tassigura li l-Kap tal-Partit jista’ jassumi l-irwol tiegħu fil-Parlament b’mod immedjat,  lill-Kummissjoni Kandidati u lill-Kummissjoni Elettorali għall-ħidma tagħhom fil-ġimgħat li għaddew.  

Grech ġie elett Kap tal-PN nhar is-Sibt li għadda:
Filmati u ritratti: Bernard Grech jirbaħ b’69.3%

Adrian Delia jgħaddi ċ-ċwievet tal-uffiċċju lil Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista ppubblika ritratt taċ-ċerimonja li fiha ċ-ċwievet tal-Uffiċċju tal-Kap fid-Dar Ċentrali għaddew għand Bernard Grech.

Fi stqarrija, il-PN qal li Grech irringrazzja lil Delia għall-kontribut li hu ta bħala Kap tal-PN u bħala Kap tal-Oppożizzjoni matul dawn l-aħħar tliet snin.

Intqal kif kemm il-Kap tal-PN Bernard Grech kif ukoll Adrian Delia kellhom ukoll laqgħa fejn matulha ddiskutew it-triq ‘il quddiem għall-PN u dwar is-sehem ta’ Adrian Delia fil-ħidma Parlamentari, fix-Shadow Cabinet u fil-partit.