Filmat: L-estensjoni tal-AUM irrifjutata mill-PA

Read in English.

Filmat: Azzjoni: Tuna Artna Lura/ Action: Give us Back

L-Awtorità tal-Ippjanar ċaħdet b’mod unanimu l-applikazzjoni tal-estensjoni tal-kampus tal-Università Amerikana f’Bormla. Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar qal li l-estensjoni se tkun qed tipperikola l-wirt kulturali tal-Isla u l-madwar.

Il-proposta tal-estensjoni kienet tinkludi bini ta’ kumpless amministrattiv bejn il-binjiet tal-Brittaniċi u l-Kavallieri fi Triq 31 ta’ Marzu fl-Isla kif ukoll dormitorju fil-parkeġġ li jinsab fi Triq San Pawl Bormla.

Il-Perit tal-Proġett Edwin Mintoff qal li min-naħa tiegħu ma kienx se jippreżenta pjanti ġodda għal dan is-sit u saħaq li kemm l-Awtorità tal-Ippjanar u n-nies għandhom jifhmu li l-pjanti preżentati huma konformi mal-liġi li ġiet sottomessa fl-2005.

Filmat: Azzjoni: Tuna Artna Lura/ Action: Give us Back

Il-Membru Parlamentari Laburista Clayton Bartolo saħaq li jekk dan il-proġett jiġi approvat se jkun qed iħalli impatt viżwali negattiv fuq Forti San Mikiel.

Min-naħa tagħhom l-għaqda mhux governattiva Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA) laqgħu din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Huma qalu li din id-deċiżjoni issalvagwardjat il-wirt tal-Kottonera. Huma rringrazzjaw lil dawk kollha li ssapportjaw din il-kawża u matul dawn l-aħħar xhur żdiet l-għarfien dwar l-importanza ta’ dawn il-postijiet pubbliċi u storiċi.

”David rebaħ lill Gulija“

Il-grupp ta’ pressjoni Azzjoni: Tuna Artna Lura/ Action: Give us Back our Land fuq il-paġna ta’ Facebook qal li f’din il-battalja David rebaħ lil Gulija. Huma spjegaw li madankollu din il-battalja għadha ma ntemmitx. Il-grupp irringrazzja lil dawk kollha li wrew is-sapport tagħhom f’din il-kawża. Diversi residenti tal-Kottonera flimkien mal-grupp ta’ pressjoni, illum marru l-Awtorità tal-Ippjanar biex joġġezjonaw għal din l-applikazzjoni.

Illum urejna li l-vuċi tagħna tgħodd – Glenn Bedingfield

Il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield permezz ta’ filmat fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook qal li d-deċiżjoni tal-Awtortità tal-Ippjanar uriet li l-vuċi tal-pubbliku tgħodd. Huwa qal li jilqa’ b’sodisfazzjoni din id-deċiżjoni u għalhekk in-nies tal-Kottonera jistgħu jibqgħu igawdu l-ispazji miftuħa.

Filmat: Glenn Bedingfield

Aqra: “Se jibnulna l-ħajt tal-Ġordan” – Dimostranti f’Bormla