Filmat: L-esperjenza ta’ żagħżugħ li wasslitu biex telaq mill-MCAST; l-MCAST iwieġeb

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=MAF1cEZXr4A]

Student tal-MCAST ħareġ filmat li fih spjega li waqqaf l-istudji tiegħu mill-MCAST minħabba l-istrajk tal-għalliema u minħabba nuqqasijiet fil-kors tiegħu fost affarijiet oħra. Madanakollu, l-MCAST qal li jiċħad b’mod kategoriku dak li qal l-istudent.
L-istudent, Daniel Cilia, spjega kif l-azzjoni industrijali li qed isegwu l-għalliema tal-MCAST qed taffettwa b’mod negattiv lill-istudenti. Mandanakollu, huwa qal li jaqbel li l-għalliema jixirqilhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.
Cilia esprima d-diżappunt tiegħu li kien hemm pressjoni żejda fuq l-istudenti biex ilestu xi assignments fi żmien iqsar minn dak li jkun hemm bżonn biex isir sew. Qal li l-għalliema ma kienux qed jaqblu fuq l-istruzzjonijiet tagħhom f'każijiet ta’ suġetti b’aktar minn għalliem wieħed. Skont l-istudent, dan wassal għal ħafna tgerfix fost sħabu.
Cilia qal ukoll li deċiżjonijiet li ttieħdu biex jinqasmu ċerti klassijiet ma kienux ta’ għajnuna għas-sitwazzjoni. B’mod speċjali għal persuni li jħossuha diffiċli li jagħmlu l-ħbieb.
Fil-filmat, Cilia allega wkoll li fil-kors tiegħu b'rabta mal-film making ma kienx qed jingħata taħriġ adegwat. Irrimarka kif minflok tagħlim dwar editing tal-films, l-istudenti ngħataw lezzjonijiet dwar applikazzjonijiet tal-Microsoft bħal Word, PowerPoint, u Excel.
F’reazzjoni għall-filmat u għall-artikli li dehru fil-midja, l-MCAST qal li “jiċħad bl-iktar mod kategoriku dak li ntqal”. L-MCAST qal li l-istorja li jpinġi l-istudent hija ferm differenti mir-realtà. L-MCAST qal ukoll li ma tħossx li għandha tagħti dettalji dwar student individwali.