Filmat: L-Emirates lesta biex taqdi lill-klijenti u tilqa’ t-turisti f’Dubaj

L-Emirates lesta biex taqdi lill-klijenti u tilqa’ t-turisti f’Dubaj

Read in English.

L-Emirates tilqa’ l-aħħar protokolli tal-ivvjaġġar li se jiffaċilitaw is-safar internazzjonali għaċ-ċittadini, ir-residenti u t-turisti tal-Emirati Għarab Magħquda (UAE), u jiftħu lil Dubaj għal dawk li se jsiefru fuq xogħol jew għall-vaganzi mis-7 ta’ Lulju. Dawn il-protokolli jaħsbu wkoll għal miżuri xierqa ta’ saħħa u sigurtà għal dawk kollha li se jivvjaġġaw u għall-komunitajiet.

Dawn il-protokolli tal-ivvjaġġar lejn l-ajruporti ta’ Dubaj u ’l barra minnhom tħabbru bħala parti mid-direttivi tal-Viċi President u l-Prim Ministru tal-Emirati Għarab Magħquda u l-Emir ta’ Dubaj, l-Eċċellenza Tiegħu Sheikh Mohammed bin Rashid Al Maktoum, u l-ordnijiet tal-Prinċep ta’ Dubaj u ċ-Chairman tal-Kunsill Eżekuttiv, l-Altezza Tiegħu Sheikh Hamdan bin Mohammed bin Rashid Al Maktoum, u tal-Kumitat Suprem tal-Immaniġġjar tal-Kriżijiet u d-Diżastri mmexxi mill-Altezza Tiegħu Sheikh Mansour bin Mohammed bin Rashid Al Maktoum.

L-A.T. Sheikh Ahmed bin Saeed Al Maktoum, iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Emirates qal li: “Nixtieq nirringrazzja lill-A.T. Sheikh Mohammed bin Rashid u l-A.T. Sheikh Hamdan bin Mohammed għall-aħħar direttivi li ħarġu għall-ftuħ tal-ivvjaġġar bl-ajru li jixhdu l-viżjoni tagħhom għall-belt ta’ Dubaj biex tkun minn ta’ quddiem nett għan-negozju u t-turiżmu internazzjonali. Din hi dikjarazzjoni b’saħħitha li l-belt ta’ Dubaj lesta biex tibda mill-ġdid l-attività avjatika u ekonomika wara eżerċizzju ta’ ppjanar komprensiv, analiżi u tħejjija. Kunfidenti li l-miżuri, mifruxa f’ħafna livelli, li ġew implimentati fl-ajru, fuq l-art u madwar il-belt tagħna, għandhom jgħinuna nnaqqsu r-riskji ta’ infezzjoni u nimmaniġġjaw kwalunkwe każ b’mod effettiv. Nemmnu li l-bliet madwar id-dinja għaddejjin bl-istess eżerċizzji u se jsegwuna biex jaġġornaw ir-rekwiżiti tad-dħul fil-fruntieri għall-vjaġġaturi internazzjonali tagħhom.”

Hu kompla jgħid li, “Fl-aħħar ġimgħat, fl-Emirates espandejna gradwalment in-network tagħna billi offrejna servizzi lejn numru ta’ destinazzjonijiet, ipprovdejna l-mezzi għall-klijenti biex jivvjaġġaw minn Dubaj u bqajna naqdu d-domanda globali għall-moviment tal-merkanzija bl-ajru. Se nkomplu naħdmu mill-qrib mal-individwi konċernati u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex niżguraw l-ogħla livelli ta’ saħħa u sigurtà għall-impjegati, il-klijenti u l-komunitajiet tagħna. Bħalissa l-Emirates torbot lil Dubaj ma’ 40 belt oħra, u bl-aħħar direttivi se jkollna l-opportunità nkomplu nespandu n-network tagħna u noffru iżjed destinazzjonijiet li se nħabbruhom fil-jiem li ġejjin. Ħerqanin biex nilqgħu u nservu lill-klijenti tagħna u biex ngħaqqdu mill-ġdid ħafna bliet permezz taċ-ċentru tagħna f’Dubaj.

Il-ġimgħat li ġejjin se jservu ta’ test kbir għall-industrija tal-avjazzjoni kollha b’diversi modi. Fl-aħħar ġimgħat fl-Emirates innutajna xejra pożittiva ta’ traffiku fin-network tagħna, u lesti biex inkomplu nservu lill-klijenti.”

L-Emirates nediet ukoll reklam biex tavża lid-dinja li l-belt ta’ Dubaj miftuħa u lesta biex tilqa’ l-vjaġġaturi internazzjonali. Tista’ tara dan ir-reklam minn hawn:

Is-saħħa u s-sigurtà l-ewwel

L-Emirates implimentat sett ta’ miżuri komprensivi għal kull parti tal-vjaġġ tal-klijenti biex tiżgura s-sigurtà tagħhom u tal-impjegati tagħha fuq l-art u fl-ajru. Qed tqassam ukoll b’xejn pakketti ta’ iġjene b’maskri, ingwanti, diżinfettant tal-idejn u wipes antibatteriċi lill-klijenti kollha. Għal tagħrif ieħor fuq dawn il-miżuri u s-servizzi li żdiedu f’kull titjira, ara: www.emirates.com/yoursafety

Restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar

Il-klijenti huma mfakkra li r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar għadhom fis-seħħ, u l-klijenti jitħallew isiefru mal-Emirates jekk ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibilità u mar-rekwiżiti tad-dħul tal-pajjiż li jkunu sejrin fih. Tagħrif ieħor dwar dan issibu hawn: www.emirates.com/wherewefly. Dawk kollha li jkunu sejrin Dubaj għandu jkollhom polza internazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa li tkopri l-mard marbut mal-Covid-19 għal matul il-perjodu kollu tas-safra tagħhom. Aktar informazzjoni fuq ir-rekwiżiti tad-dħul għall-viżitaturi internazzjonali li jkunu sejrin Dubaj issibha f’dan is-sit: https://mediaoffice.ae/en/news/2020/June/21-06/Supreme-Committee-of-Crisis-and-Disaster-Management-announces-new-air-travel-protocols

Iċ-ċittadini u r-residenti tal-Emirati Għarab Magħquda

Ir-residenti li jkunu se jirritornaw Dubaj jistgħu jiċċekkjaw l-aħħar rekwiżiti minn hawn: www.emirates.com/returntoDubai

Din l-informazzjoni twasslet minn Emirates.