Filmat: L-elezzjonijiet tal-MEPs kruċjali għall-futur tal-Ewropa – Keller

Il-kandidata Ġermaniża mal-Partit tal-Ħodor u l-MEP Ska Keller sostniet fuq l-importanza tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li jmiss, fejn qalet li din se tiddetermina d-direzzjoni li fiha l-Unjoni Ewropea se tkun qed timxi. Keller kienet qed tindirizza konferenza tal-istampa fil-Lukanda Phoenicia ġewwa l-Furjana.

Hija ħarġet kuntrast bejn il-Partit Ewropew tal-Ħodor ma’ gruppi politiċi oħra fil-Parlament Ewropew, fejn qalet li bħala grupp politiku, il-familja politika kellha taħdem flimkien. Il-Membri tal-Partit tal-Ħodor madwar l-Ewropa qed jimxu mal-istess kampanja, però kull pajjiż qed jiffoka fuq oqsma differenti.

Keller sostniet li għall-Partit tal-Ħodor, il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima tibqa’ kwistjoni importanti, li għandha bżonn rispons immedjat mill-Unjoni Ewropea. L-MEP spjegat li t-tibdil fil-klima qed joħloq theddia fuq is-sigurtà tal-individwi, u għandha tingħata prijorità. Sostniet li l-inġustizzji soċjali huma aggravati minħabba t-tibdil fil-klima. Keller spjegat li l-Ewropa għandha bżonn standards fuq kwistjonijiet soċjali li jorbtu lill-Istati Membri flimkien.

Keller tkellmet ukoll fuq kif l-istat tad-dritt kien taħt theddida f’bosta pajjiżi. Semmiet il-problema tal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban, is-sitwazzjoni gudizzjarja fil-Polonja, is-sitwazzjoni fir-Rumanija, u anke fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Matul din il-konferenza, ic-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo tkellem fuq il-ħtieġa tal-bżonn li jiġi rregolat il-lobbying, kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq dak Ewropew. Huwa anke tkellem fuq il-bżonn li jiġu indirizzati l-impatti tal-migrazzjoni, fejn spjega li l-partit sab solidarjetà sħieħa minn partiti oħra Ewropej. Saħaq anke fuq l-importanza li l-ambjent għandu jintrabat mal-ġustizzja soċjali.

Cacopardo spjega ukoll kif għalkemm il-Partit appoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern fuq it-taxxi li jibqgħu kompetenza tal-Gvern, qal li s-sistemi għandhom ikunu mmexxija etikament. Saħaq fuq il-fatt li l-manifest jitkellem kontra kompetizzjoni tat-taxxa inġusta.

Alternattiva Demokrativa – Il-Partit tal-Ħodor huwa mistenni li jniedi l-manifest tiegħu l-ġimgħa d-dieħla. Dan il-partit huwa mistenni li joħorġ madwar 10 kandidati matul l-elezzjoni tal-kunsilli li jmiss.