Filmat: L-elezzjonijiet it-tema ta’ Jum l-Ewropa din is-sena

Malta llum qed tiċċelebra Jum l-Ewropa, jum li fih jiġu ċċelebrati l-paċi u l-għaqda fl-Ewropa. It-tema ġenerali ta’ din is-sena hija l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li se jsiru fil-25 ta’ Mejju.

Elezzjonijiet 2019

Id-data tad-9 ta’ Mejju timmarka l-anniversarju tad-Dikjarazzjoni Schuman. F’diskors storiku f’Pariġi fl-1950, Robert Schuman, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, stabbilixxa l-ħsieb tiegħu għal forma ġdida ta’ kooperazzjoni politika għall-Ewropa.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela żar il-Fiera taċ-Ċittadini tal-UE, li qed tiġi organizzata fid-daħla tal-Belt Valletta fl-okkażjoni ta’ Jum lEwropa.

F’din il-fiera tista’ tikseb l-informazzjoni li għandek bżonn dwar id-drittijiet tiegħek bħala ċittadin u konsumatur Ewropew, fondi tal-Unjoni Ewropea, opportunitajiet ta’ xogħol fl-Unjoni.

Din l-inizjattiva saret mill-Europe Direct Valletta, filwaqt li r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, taw is-sostenn tagħhom.

Il-President George Vella żar l-attivitajiet li saru l-Barrakka għall-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa.