Filmat: L-effett tal-mobile fir-relazzjoni bejn żewġ persuni

Mobile - Natalie Naudi

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista MOBILE tal-kantawtriċi Natalie Naudi.

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Wednesday, August 19, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Mobile

Kliem u mużika: Natalie Naudi

Il-kanzunetta Mobile titkellem dwar kif il-mobile jista’ jaffettwa r-relazzjoni bejn tnejn min-nies, minn xħin iqumu filgħodu – bl-alarm tal-mobile – sakemm jaslu lura d-dar filgħaxija. Ironikament, l-istess mobile li jqarreb żewġ persuni meta ma jkunux ħdejn xulxin, jifred meta jkunu flimkien. Kultant ngħaddu aktar ħin fuqu milli ma’ min ikun ħdejna, u lanqas biss nindunaw.  Il-kelma ‘mobile’ tinstema’ spiss fil-kanzunetta, biex tirrifletti kemm-il darba nużawh. Il-mużika wkoll iddur fuq armonija waħda, bħala xebh mal-ħoss tal-mobile kull darba li jdoqq.

Natalie Naudi. Ritratt: Joseph Agius Attard

Natalie gradwat bħala għalliema fil-Matematika u l-Fiżika, u tgħallem ix-Xjenza fi skola sekondarja. Studjat il-mużika u għandha ALCM fil-pjanu u L.Mus.LCM fit-teorija tal-mużika. Ilha aktar minn għaxar snin tgħallem it-teorija u tressaq studenti għall-eżamijiet. Apparti l-pjanu, iddoqq ukoll il-kitarra u qed titgħallem il-ukulele u l-accordion fil-ħin liberu tagħha.

Għalkemm din hija l-ewwel esperjenza tagħha bħala solista, kienet f’diversi korijiet matul is-snin, u ta’ kuljum tieħu ħsieb il-kant u l-mużika tal-quddies fuq il-post tax-xogħol.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.