Filmat: “L-edukaturi jridu jitimgħu aktar lill-istudenti bit-tagħlim” – L-Arċisqof Cremona

Waqt seminar fil-Kulleġġ ta’ Sant’ Agata fir-Rabat, l-Arċisqof Pawlu Cremona iltaqa’ mal-għalliema, l-LSAs u l-assistenti l-ġodda li fi tmiem dan ix-xahar ser jibdew jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja.

L-Arċisqof Cremona fil-preżenza ta' Dr. Rose Anne Cuschieri, id-Direttriċi tal-Iskejjel tal-Knisja, rringrazzja lill-edukaturi kollha għar-responsabilità li qed iġorru fuq spallejhom.

L-Arċisqof enfasizza li l-iskejjel tal-Knisja jridu jsegwu t-tagħlim ta’ Kristu u għalhekk ir-responsabilità tagħhom tiżdied. Stqarr li l-mira tal-edukatur trid tkun li jgħin u jappoġġja lill-istudenti.

L-Arċisqof Cremona qabbel it-tagħlim ta’ Kristu mal-kundizzjonijiet meħtieġa mill-għalliema. Qal li Kristu ħeġġiġna biex nitimgħu lil dawk kollha fil-bżonn u l-edukaturi jridu jitimgħu lill-istudenti bit-tagħlim. 

Apparti hekk, qal, iridu juruhom l-imħabba, ikollhom il-paċenzja u joffru appoġġ. Hawnhekk qal li l-iskejjel tal-Knisja joffru ambjent għall-formazzjoni tat-tfal li huwa fost l-aqwa.

Finalment, l-Arċisqof Cremona fakkar lill-edukaturi biex jagħtu każ lil dawk li jkunu qed ibatu fis-silenzju. Qal li huwa faċli li wieħed jinjora l-bżonnijiet ta’ dawk l-individwi li ma jistaqsux meta jkunu fil-bżonn iżda huma l-aktar persuni li jridu l-appoġġ u l-għajnuna.

F'kummenti lil Newsbook.com.mt, Dr. Rose Anne Cuschieri qalet li dan is-seminar isir kull sena għall-għalliema, LSAs u assistenti ġodda kollha. Dan sabiex jippreparahom fl-għajnuna li jridu jagħtu lill-istudenti. 

 

Ritratti: Photocity, Valletta