Filmat: “L-ebda maskra ma tista’ ttappan il-vuċi tagħna”

Grupp ta’ kantanti Maltin, stabbiliti u oħrajn ġodda fl-aħħar ġranet ingħaqdu flimkien biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lil kanzunetta popolari We Are The World.

Kurt Cassar, Claudia Faniello, Kevin Paul Calleja, Nicole Frendo, Olivia Lewis, Mike Spiteri, Mark Anthony Bartolo, Gail Attard, Kaya & Ike, Debbie Scerri, Lisa Tabone, Maria Luana, Ludwig Galea, Michela Galea, u Laura Bruno huma l-artisti li pparteċipaw f’dan il-proġett li ħa ħsieb Kurt Cassar li qal li tul dan iż-żmien stramb xi xhur ilu ġietu din l-idea fejn xtaqt li numru ta’ artisti Maltin jingħaqdu flimkien biex jagħtu xi ħaġa żgħira u mill-qalb lill-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-kanzunetta ‘We are the World’ li tfisser għaqda u mħabba u li dejjem għandna nkunu hemm għal xulxin.

“Jien u dawn l-artisti kollha rnexxielna nżommu dan il-kunċett ħaj. Il-mużika mhix kompetizzjoni imma katina b’saħħitha li tgħaqqadna lkoll flimkien minkejja d-diversità tagħna,” qal hu.

“L-ebda maskra li qed nilbsu ma tista’ tkisser dil-ħolqa jew ittappan il-vuċi tagħna,” żied jgħid Cassar li dedika dan il-proġett mużikali lill-frontliners u lill-maħbubin kollha tagħna u fuq kollox lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.