Filmat: L-awtoritajiet Taljani jaqbdu fjuwil tal-kuntrabandu li ‘kien ġej lejn Malta’

L-Awtoritajiet Taljani kisru ċirku tat-traffikar ta’ fjuwil li skont id-dokumenti uffiċjali kien żejt tal-magna fit-triqtu lejn Malta u l-Bulgarija.

Fi stqarrija il-Guardia di Finanza spjegat li minkejja d-dokumenti uffiċjali, l-investigazzjoni ‘Calderone’ uriet li l-fjuwil kien qed jibqa’ f’ Augusta fl-Italja fejn kien qiegħed jinbiegħ illegalment lil diversi pompi tal-petrol biex b’hekk tiġi evitata li titħallas it-taxxa. Il-fjuwil kien jinxtara mill-Islovenzja permezz ta’ kumpaniji intermedjarji waħda f’Malta u oħra fil-Bulgarija. Il-fjuwil kien jasal fit-territorju tal-Unjoni Ewropea umbgħad jispiċċa f’maħżen fil-Belġju qabel ma jiġi trasferit lejn Milan u Catania bit-trenn bħala żejt tal-magna. Mill-investigazzjonijiet ta’ dwana iżda nstab li ż-żejt kien propju diesel.

Ladarba jasal f’Catania ż-żejt kien ikun destinat lejn Malta u l-Bulgarija skont id-dokumenti uffiċjali. Iżda dan kien jispiċċa maħżun fiż-żona ta’ Augusta għand L. S.r.l. Iktar minn 13-il miljun litru ta’ fjuwil waslu f’Augusta bejn Settembru 2017 u Awwissu 2018.

Skont il-Guardia di Finanza b’dan il-mekkaniżmu iktar minn €8 miljuni f’taxxa ġew evażi, liema flus ġew sekwestrati. Il-ħidma tal-Pulizija kienet iktar diffiċli minħabba li ż-żejt kien mniżżel bħala żejt tal-magna minflok diesel. Iżda l-Pulizija kompliet tinvestiga u tagħmel moniteraġġ ta’ fejn kien qed jiġi depożitat il-fjuwil. Dan wassal biex il-Pulizija ssekwestrat 297,590 litru ta’ fjuwil ġej mill-Belġju u li kien se jwassal għal evażjoni tat-taxxa għal total ta’ €183,732.

Filmat: Guardia Di Finanza