Filmat: Il-Ministeru għas-Saħħa jsolvi l-kontroversja dwar il-ġenituri ta’ tfal bil-coronavirus

Aġġornat 06:16 PM

Il-Ministeru għas-Saħħa solva l-kontroversja li nqagħlet dwar il-ġenituri ta’ tfal infettati bil-coronavirus. Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa bagħtet tweġiba dettaljata li fiha kkjarifikat li ġenituri ta’ tfal pożittivi għall-COVID-19 ikunu jistgħu joqogħdu ma’ wliedhom anke jekk huma stess ma jkunux pożittivi.

Ftit ġranet ilu l-Ministeru għas-Saħħa kien qal lil Newsbook.com.mt illi ma kienx permess li jsiru żjajjar lill-persuni minuri li jkunu l-isptar bil-coronavirus. Madanakollu llum, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci qalet li ġenituri ta’ tfal bil-coronavirus li jiddaħħlu l-isptar ikunu jistgħu joqogħdu magħhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet illum fi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Prof. Gauci qalet li f’Mater Dei kien hemm każijiet ta’ tfal bil-coronavirus. Qalet ukoll li ħassew li l-ġenituri diġà kienu esposti għall-virus u li allura ngħataw l-opportunità li joqogħdu mat-tfal. Spjegat ukoll li jekk ġenitur ma jkunx pożittiv għall-virus qed jintalab jilbes maskra biex inaqqas iċ-ċans ta’ infezzjoni.

X’kien qal il-Ministeru ftit ġranet ilu?

Dan jikkuntrasta mal-verżjoni li rċieva Newsbook.com.mt mingħand il-Ministeru għas-Saħħa.

Fis-26 ta’ Marzu, fost affarijiet oħra Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għas-Saħħa jekk qraba ta’ pazjenti tal-COVID-19 jistgħux iżuruhom l-isptar. Staqsa wkoll jekk hemmx eżenzjonijiet speċjali fuq pazjenti li jkollhom inqas minn 18-il sena.  Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li “minħabba raġunijiet ovvji mhux permess li jsiru viżitaturi lill-pazjenti morda bil-Covid-19”.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll jekk pazjenti li jkunu waslu fl-aħħar se jkunux jistgħu jkunu konfortati minn qassis. Għal din il-mistoqsija ġejna mwieġba bl-istess mod: “minħabba raġunijiet ovvji mhux permess li jsiru viżitaturi lill-pazjenti morda bil-Covid-19.”

Madanakollu, dwar dan, Fr Bertrand Vella OFM Cap., il-Kappillan tal-Isptar Mater Dei qal lil Newsbook.com.mt li mhux minnu li qassis ma jistax iżur lil marid. Spjega li l-qassisin jilbsu lbies protettiv u li mill-lum se jkollhom ilbies apposta. Fr Bertrand qal ukoll li diġà assistew lill-pazjent tal-COVID-19 li jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei.

Il-Ministeru għas-saħħa jikkjarifika:

Dwar tfal morda bil-COVID-19, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa spjegat li “f’ħafna każijiet, anke kif rajna f’pajjiżna stess it-tfal ikunu f’kundizzjoni tajba u għaldaqstant ma jkollhomx bżonn ikunu l-isptar u jinżammu d-dar mal-ġenituri. F’każijiet oħra li wkoll kellna f’pajjiżna, kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri jkunu pożittivi u għaldaqstant jkunu jistgħu jinżammu flimkien ukoll. F’każijiet fejn il-ġenituri ma jkunux pożittivi huma xorta jkunu esposti għall-virus minħabba wliedhom għaldaqstant ikunu jistgħu joqogħdu ma’ wliedhom. Ovvjament huma wkoll ikunu suġġetti għal iżolament”.

Il-kelliema ċċarat ukoll li pazjenti li jkunu waslu biex imutu se jkunu wkoll konfortati minn qassis.

Fissret ukoll li r-risposta oriġinali li ntbagħtet fl-aħħar jiem kienet qed tirreferi għall-adulti morda bil-COVID-19, u għaldaqstant kienet twieġeb parti mill-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt.

“Il-backtracking iħawwad lin-nies”

F’konferenza tal-aħbarijiet illum, il-PN qal lill-Gvern li l-backtracking tal-miżuri jħawwad lin-nies.

Fis-26 ta’ Marzu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-persuni kollha li għandhom aktar minn 65 sena kienu se jintalbu jibqgħu d-dar u ma joħorġux. L-istess kien se japplika għall-persuni meqjusa bħala vulnerabbli. Dakinhar Fearne kien akkumpanjat mill-Prof. Charmaine Gauci fil-konferenza tal-aħbarijiet.

L-għada, il-PM Robert Abela qal li l-anzjani u l-persuni vulnerabbli ma kinux se jkunu fuq lockdown.

Fearne qal li kien hemm bżonn fine tuning fid-deċiżjoni dwar lockdown għall-anzjani u ma kienx każ ta’ nuqqas ta’ qbil. Huwa sostna li kull deċiżjoni li tittieħed trid issosstni lill-popolazzjoni fit-tul.

Fis-27 ta’ Marzu Transport Malta ħarġet stqarrija li fiha qalet li s-showrooms u d-dealers tal-karozzi kellhom jgħalqu. Ftit wara, l-awtorità għat-trasport ħarġet stqarrija oħra u rtirat l-ewwel miżura mingħajr spjegazzjoni.

Dan l-artiklu ġie aġġornat fil-31 ta’ Marzu hekk kif Newsbook.com.mt irċieva tweġibiet għall-mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn