Filmat: L-attivista Camilla Appelgren se tikkontesta għall-MEP mal-PD

Camilla Appelgren hija t-tielet kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Demokratiku. Hija qalet li esperjenzat lil dan il-partit mill-viċin u tħoss huwa l-vuċi tal-poplu. Appelgren qalet li l-partit iżomm sod it-twemmin tiegħu u jappoġġja lil min jagħmel it-tajjeb.

Appelgren hija magħrufa l-aktar bħala waħda mill-attivisti ambjentali ewlenin f’pajjiżna mal-Malta Clean Up. Hija titkellem ħafna dwar l-użu singlu tal-plastik u organizzat ħafna attivitajiet marbutin mat-tindif tal-ambjent ġewwa pajjiżna.

Hija spjegat li d-deċiżjoni li tidħol għall-politika ġejja wara ħafna snin ta’ volontarjat fejn dan għenha tirrealizza li Malta hija għal qalbha ħafna. Hija ħeġġet lil dawk kollha li għandhom għal qalbhon l-ambjent biex jingħaqdu magħha u b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu differenza.

Hija wiegħdet li jekk tiġi eletta bħala MEP se tkun qed tpoġġi fuq quddiem il-bidla fil-klima, taħdem fuq il-problema globali tal-plastik u tiżgura rivoluzzjoni ekonomika ekoloġika, biex Malta tiġi meqjusa ċentru ta’ innovazzjoni. Hija tgħid li Malta tista’ turi lill-Ewropa li l-bidla hija possibli biex wieħed isalva d-dinja u Malta tkun tista’ tmexxi bl-aħjar eżempju.

Il-Partit Demokratiku qal li hu kburi li nies bħal Camilla Appelgren jħossu li l-partit demokratiku huwa d-dar narutali tagħha.