Filmat: “L-artiklu Ewropew mhux dikjarazzjoni ta’ gwerra imma għall-għajnuna”

Sorsi qrib il-Kummissjoni Ewropea li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li l-Artiklu 42.7 tat-Trattat ta’ Liżbona mhux dikjarazzjoni ta’ gwerra imma turija ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
Newsbook.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet dwar dan l-Artiklu, hekk kif il-Ministru Franċiż għad-Difiża invoka dan l-artiklu għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni Ewropea.
Kelliema għall-Kummissjoni Ewropea spjegat li fi kliem ir-Rappreżentant Għoli tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini, Franza qed titlob l-għajnuna u l-assistenza lill-pajjiżi l-oħra membri fl-Unjoni Ewropea wara li saru l-attakki terroristiċi tal-Ġimgħa li għadda.
Spjegat li l-Artiklu 42.7 tat-Trattat Ewropew huwa simili għall-Artiklu 51 taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Magħquda fejn il-pajjiżi l-oħra joffru l-assi militari, dawk tal-Pulizija jew tas-salvataġġ lill-pajjiż milqut.
Qalet ukoll li kif spjegat Mogherini ma hemm l-ebda operazzjoni militari Ewropea tas-sigurtà nvoluta.
Dan isir fit-territorju tal-pajjiż li jkun qed jinvoka dan l-artiklu u bl-ebda mod ma jippreġudika l-politika tas-sigurtà u d-difiża ta’ ċertu pajjiżi bħal Malta li huma newtrali.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li nhar il-Ġimgħa li ġej se ssir laqgħa tal-Ministri tal-Intern u s-Sigurtà fejn se tiġi diskussa l-għajnuna li Franza trid li tingħata mill-pajjiżi l-oħra.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li f’dawn il-ħinijiet il-Gvern Franċiż qed jagħmel kuntatt mal-Gvernijiet tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea biex jispeċifika l-assistenza li għandha bżonn.
Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li se jwieġeb għal din is-sejħa skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta kif jipprovdi l-istess Trattat Ewropew.
Bosta Ministri Ewropej diġà qalu li se joffru l-għajnuna billi jipprovdu membri tal-Pulizija jew tas-Servizzi Sigrieti, ħaddiema tat-tifi tan-nar, tas-salvataġġ u tal-Protezzjoni Ċivili biex jagħtu sapport lil dawk Franċiżi, li wara l-attakki tal-Ġimgħa jinsabu taħt stress. Se tissaħħaħ ukoll l-informazzjoni miġbura għas-sigurtà mill-pajjiżi l-oħra li tingħata lil Franza.
Fi stqarrija uffiċjali, ir-Rappreżentant Għoli tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini qalet li t-tip ta’ għajnuna u assistenza li se tiġi pprovduta mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea se tkun is-suġġett ta’ diskussjonijiet bilaterali u tekniċi li Franza se jkollha mal-pajjiżi l-oħra kollha.
Qalet li l-għajnuna se tiġi pprovduta skont id-deċiżjonijiet li kull pajjiż membru se jieħu.
Enfasizzat li ċertu pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom karatteristiċi speċifiċi dwar il-politika komuni tad-difiża u għalhekk l-għajnuna u l-assistenza li tista’ tingħata se tvarja minn pajjiż għall-ieħor.
Federica Mogherini qalet li tinsab konvinta li kull pajjiż se jagħti l-kontribut mitlub bil-ħarsien tal-politika tad-difiża u tal-affarijiet barranin tiegħu.