Filmat: “L-arti sagra tgħinna napprezzaw il-fidi” – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li bl-arti sagra nistgħu napprezzaw aktar il-fidi.

L-Isqof Grech qal dan waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja ta’ arti prestiġjuża fl-okkażjoni tas-Sena Marjana mnedija fid-djoċesi ta’ Għawdex biex tfakkar ir-raba’ ċentenarju tal-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu, xogħol Amadeo Perugino. Din il-wirja jisimha Sub Tuum Praesidium, “taħt il-ħarsien tiegħek”.

Huwa fisser kif barra li nġabret kollezzjoni artistika ta’ arti Marjana, din il-wirja tagħti l-possibiltà li napprezzaw il-fidi tal-antenati tagħna. Spjega li dan minħabba li l-arti sagra tesebixxi l-fidi tal-artist.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja li saret il-Ħadd, l-Isqof Grech awgura li b’ħidmiet bħal dawn titkattar il-fidi fl-istess waqt li fakkar li din hija waħda mill-għanijiet tas-sena Marjana.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Joseph Borg, l-Editur ta’ din il-pubblikazzjoni. Huwa fisser kif din il-wirja hija mqassma f’erba temi teoloġiċi mal-erba’ sulari tal-mużew, li tinkludi fosthom l-esebizzjoni b’pittura u xogħolijiet ta’ valur artistiku u storiku miġbura minn diversi enitatjiet pubbliċi, ekkleżjastiċi u minn kollezzjonijiet privati.

Fl-okkażjoni ta’ din il-wirja nħarġet pubblikazzjoni mis-sensiela Il-Ħaġar Gems (numru limitat), li tista’ tinkiseb mill-front desk tal-mużew.

L-esebizzjoni tibqa’ miftuħa kuljum sal-14 ta’ Frar, bejn id-9.00am u l-5.00pm, u d-dħul huwa mingħajr ħlas.