Filmat: L-arrest mhux minn dettalji li ta s-sensar – PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-arrest ta’ Yorgen Fenech ilbieraħ ma kienx riżultat ta’ informazzjoni li ħarġet mis-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li indirizza konferenza dwar it-tindif dalgħodu. Muscat ġie mistoqsi jekk l-arrest ta’ Fenech kienx ibbażat fuq informazzjoni tas-sensar hekk kif dan għadu ma ngħatax il-maħfra presidenzjali.

Bħalissa l-investigaturi għadhom għaddejjin bl-interrogazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, Muscat sostna li hemm ċertu mistoqsijiet li ma jistax iwieġeb sabiex ma jippreġudikax il-każ. Sostna li l-maħfra presidenzjali għadha ma ngħatatx. Spjega li kull ma għadu għamel huwa li ffirma ittra indirizzata lill-avukati tas-sensar li jgħidu li malli dan jagħti l-evidenza kollha neċessarja, hu se jkun qed jissuġġerixxi lill-President sabiex jagħtih il-maħfra.

Aqra: Fejn kien sejjer Yorgen Fenech?

‘Ċans li l-każ jingħalaq fil-jiem li ġejjin’

Il-Prim Ministru sostna li hemm ċans li l-każ jingħalaq fil-jiem li ġejjin. Spejga li hemm ċans li jingħalaq fi żmien 24 siegħa, fi żmien 48 siegħa, jew inkella fil-jiem li ġejjin.

Aqra: Filmat: Inċidenti bejn ix-xufier tal-Ministru Bonnici u l-attivisti

Insista li bħalissa mhux iż-żmien li ssir pressjoni fuq il-Pulizija. Qal li dawn għandhom jitħallew jieħdu l-ħin kollu neċessarju biex il-każ jingħalaq u dan isir sew. Meta mistoqsi dwar il-liġi li tgħid li persuna għandha titressaq il-Qorti sa massimu ta’ 48 siegħa wara l-arrest tagħha, Muscat sostna li l-Avukat Ġenerali u l-investigaturi qed iżommu kuntatt kontinwu. Spjega li jekk jinqabżu t-48 siegħa, hemm mekkaniżmi li jidħlu fis-seħħ u li jassiguraw li xorta ssir il-ġustizzja.

Aqra: Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Muscat qal li jammetti li eventwalment se jkun hemm deċiżjonijiet politiċi li jridu jittieħdu, imma għalissa aktar ma jiżvela informazzjoni aktar se jkun hemm ċans li jikkawża dewmien fl-andament tal-każ.

‘Hemm bżonn il-kalma u s-sensibbilità’

Il-Prim Ministru sostna li ma tantx xtaq jikkummenta dwar il-protesta tal-bieraħ, partikolarment minħabba li jemmen li l-aġir ta’ dawk li kienu preżenti mhux rappreżentattiv, lanqas għal min hu kritiku tal-Gvern. Sostna li hemm bżonn il-kalma u s-sensibilità, anke jekk hemm min huwa nervuż. Qal li huwa important li l-istituzzjonijiet jitħallew jagħmlu xogħolhom.

Aqra: Sejħiet għar-riżenja ta’ Muscat, Mizzi u Schembri

Aqra: Sid 17 Black jirriżenja minn Tumas Group

Filmat: Miguela Xuereb