Filmat: L-Arċisqof Scicluna jitlob maħfra ‘għall-ħitan li nbnew’ mal-mejtin

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna talab maħfra tal-ħitan li nbnew biex infirdu il-mejtin. F’konċelebrazzjoni li ġiet iċċelebrata fil-kappella taċ-ċimiterju tal-Addolorata huwa qal li fost l-eluf midfuna hemm midfunin nies li meta ndifnu kien hemm ħajt bejnhom u bejn dawk li mietu f’paċi mal-Knisja. Sostna li llum dan il-ħajt waqa’ u talab skuża f’isem il-Knisja.

F’referenza ċara għad-dfin f’art mhux ikkonsagrata fis-snin sittin, l-Arċisqof Scicluna qal li wara l-quddiesa huwa se jbierek l-oqbra kollha irrispettivament ta’ min ikunu.

Persuni affettwati kienu jindifnu f’biċċa art maġenb iċ-Ċimiterju tal-Addolorata li ma kinitx ikkonsagrata u li kienet magħrufa bħala il-Miżbla. 

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof Charles Scicluna mar f’din iż-żona taċ-ċimiterju, bierek l-oqbra u poġġa l-fjuri fuq il-qabar ta’ Ġużé Ellul Mercer. Bierek ukoll il-qabar tat-trabi li ma kienux imgħamdin u li kienu jindifnu hemmhekk.

L-Arċisqof Charles Scicluna jbierek u jpoġġi l-fjuri fuq il-qabar ta’ Ġużé Ellul Mercer. Knisja.mt/ritratti

Fl-Omelija, l-Arċisqof semma’ wkoll lill-persuni li mietu fil-Mediterran li uħud minnhom huma midfuna f’Malta. Qal li sfortunatament dawn infirdu mill-għeżież tagħhom u fakkar kif huwa fid-dmir tan-Nisrani li jaħseb f’dawn in-nies ukoll.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-mejtin kollha, l-Arċisqof qal li bħala Nsara nemmnu li bit-talb tagħna għall-mejtin, il-Mulej iħenn għalihom u jsaffihom u jaqlalhom din il-grazzja. Talab biex ma nitilfu qatt it-tama għall-ħajja ta’ dejjem iżda qal li din it-tama għandha tibda minn din id-dinja u ma naqtgħu qalbna qatt mill-ħniena ta’ Alla. Tkellem ukoll dwar l-hena li tissemma fuq l-għolja tal-beatitudnijiet u qal li din l-hena tibda mill-ħajja ta’ din id-dinja.

L-Arċisqof Charles Scicluna jbierek u jpoġġi l-fjuri fuq il-qabar tal-immigranti. Knisja.mt/ritratti

Intant, il-Kap tal-PN Adrian Delia fi tweet qal li dan kien pass importanti mill-Arċisqof. Spjega li din kienet pjaga iżda minkejja d-differenzi aħna lkoll aħwa Maltin.