Filmat: L-Arċisqof Pawlu Cremona jżewweġ koppja Eritrejana

Kienet ċelebrazzjoni sempliċi imma unika għal dawk li kienu preżenti għat-tieġ ta’ koppja Eritrejana.

Habtegebriel u Nezret, li t-tnejn għandhom madwar għoxrin sena, għażlu li jieħdu pass importanti flimkien fil-Knisja Kattolika billi jingħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ.

L-Arċisqof Pawl Cremona ppresieda l-quddiesa, li saret dalgħodu fil-Knisja tal-Patrijiet Kapuċċini, fil-Furjana, flimkien ma’ Monsinjur Philip Calleja. 

Fl-omelija, l-Arċisqof qal li koppja miżżewwġa hi għażiża għal Alla, hekk kif il-bniedem għandu dinjità f’għajnejH. Għamel referenza għal miraklu li sar fit-tieġ ta’ Kana, li juri l-importanza lill-koppja li ta Ġesù, hekk kif dan kien l-ewwel miraklu. 

L-Arċisqof qal li l-imħabba vera, fost il-ħafna rigali li jingħataw mill-koppja, hija l-maħfra u l-ġenerożità.

F’kumment li ta lil Newsbook, l-Arċisqof qal li jinsab kuntent għal din il-koppja, u fl-istess waqt jiftakar li ħafna mill-immigranti jinsabu separati mill-familji tagħhom.

Tkellimna wkoll mal-għarus li qalilna li jinsab ferħan f’dan il-jum hekk speċjali għalih u għall-mara tiegħu.

Il-koppja Eritrej hija parti mill-komunità ta’ immigranti li jinsabu Malta wara li qasmu l-Mediterran fuq dgħajjes, u li meta waslu talbu protezzjoni internazzjonali.

Xtaqu li fiż-żmien li jinsabu Malta jħejju ruħhom biex ikunu jistgħu jiċċelebraw iż-żwieg fil-Knisja Kattolika u talbu lill-Kummissjoni Emigranti tgħinhom jirrealizzaw ix-xewqa tagħhom.