Filmat: L-Arċisqof jitlob biex Malta ma titħalliex terfa’ l-piż tal-immigranti waħedha

Read in English.

Filwaqt li faħħar il-ġest ta’ imħabba li wassal biex 425 immigrant jitħallew jidħlu f’Malta, l-Arċisqof talab biex il-pajjiż tal-madwar, partikolarment Ewropej juru solidarjetà huma wkoll.

Mons. Scicluna qal dan fl-omelija taċ-ċelebrazzjoni ta’ dalgħodu fil‑Grotta ta’ San Pawl, ir‑Rabat. Hu talab sabiex bl-interċessjoni ta’ San Pawl, Malta ma titħalliex waħdeha tissielet mal-immigrazzjoni. Qal li l-imħabba li wriet Malta għandha tkun parti minn katina ta’ solidarjetà li biha “aħna nuru li aħna tassew bnedmin”.

L-Arċisqof qal li l-poplu jkun xhieda tal-fejqan li ġab miegħu San Pawl f’Malta meta jieħu ħsieb lil xulxin. Spjega li kull persuna, hi min hi, ġiet minn fejn ġiet, għandha fiha x-xbiha ta’ Alla. Irrimarka li anke jekk dawn il-persuni kellhom miġja li ma kinitx imħabbra, jew skomda jew ġew permezz ta’ dingi. Sostna li San Pawl għallem kif għandna nikbru f’din l-imħabba.

Intant, f’kumment ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċisqof qal li l-akkoljenza hija dejjem sfida, għax l-akkoljenza hija riskju. Qal li meta Publiju laqa’ 276 persuna għandu għal tliet ijiem ħa riskju. Qal li meta l-Maltin laqgħu lil San Pawl ħadu riskju. Sostna iżda li dan kien riskju pożittiv għax ovvjament il-morda kollha tal-gżira fiqu. Immaġinaw il-ferħ li daħal fil-familji li kellhom xi ħadd marid u fiq. Qal li l-akkoljenza qatt mhi faċli, “imma aħna għandna narrattiva qawwija fejn l-akkoljenza ġabitilna barka kbira.”

Hu qal dan fil-kuntest li matul il-lejl li għadda l-425 immigrant li kienu qed jinżammu fuq vapuri ‘l barra mill-kosta Maltija, tħallew jitniżżlu Malta.