Filmat: L-Arċisqof jinawgura dar għaż-żgħażagħ bla saqaf fuq rashom

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-ospitalità hija parti integra mill-karattru Malti, u għalhekk il-ftuħ ta’ dar għaż-żgħażagħ li m’għandhomx fejn joqogħdu tkompli turi dan l-ispirtu ta’ ospitalità.

Dan qalu waqt l-inawgurazzjoni tar-residenza Alberto Marvelli, dar biex żgħażagħ bla dar ikunu jistgħu jgħixu fil-komunità b’mod indipendenti filwaqt li jingħataw l-appoġġ meħtieġ.

Mons. Scicluna fakkar li llum il-Knisja tiċċelebra l-konverżjoni ta’ San Pawl, u semma kif il-Maltin kienu laqgħu lil San Pawl b’tant għożża meta ma kellux fejn imur, kemm lilu, u anke lil dawk li kienu miegħu.

L-Arċisqof irringrazzja lis-Salesjani li se jieħdu ħsieb din id-dar, u lill-Gvern tal-inizjattiva.

Din id-dar li tinsab Raħal Ġdid ġiet inawgurata u mbierka dalgħodu mill-Arcisqof Charles Scicluna, fil-preżenza tal-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon. Id-dar se titmexxa mill-Federazzjoni Nazzjonali tal-Past Pupils u Ħbieb ta’ Dun Bosco, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ Malta u Dar Osanna Pia.