Filmat: L-Arċisqof jilqa’ lil Bernard Grech

Bernard Grech Arcisqof Charles J Scicluna

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna laqa’ lill-Kap tal-Oppżozzjoni Bernard Grech f’laqgħa ta’ kortesija fil-Kurja fil-Furjana. L-Arċisqof appella biex Grech ikun strument ta’ għaqda u lealtà għal pajjiż kollu.

Fil-laqgħa, l-Arċisqof flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi awguraw lil Dr Grech għall-ħatra tiegħu. L-Arċisqof qal li l-Papa Franġisku jitkellem dwar il-politika bħala “espressjoni kbira tal-imħabba għax taħdem għal ġid komuni”. L-Arċisqof qal li għalhekk il-politiċi Maltin għandhom iwettqu dan “fil-ħajja tagħhom, fil-mod kif jiddjalogaw ma’ xulxin u fl-għażliet li jagħmlu”.

Saħaq li bħala Kap tal-Oppożizzjoni huwa għandu rwol essenzjali f’demokrazija, l-istess bħalma qal il-President George Vella fil-ġurament tal-ħatra aktar kmieni din il-ġimgħa.

Min-naħa tiegħu, Bernard Grech qal li għandu r-responsabbiltà li mhux biss isegwi dak li jħoss hu imma jsegwi dak li jkunu qed iħossu n-nies. Qal li dan ma jfissirx li tiġi injorata l-vuċi tal-minoranzi.

Saħaq ukoll li jrid li jieħu ħsieb il-beni komuni biex jintużaw għal ġid komuni. Qal li “dak li huwa tal-poplu jkun hemm biex igawdih kulħadd”.

L-Arċisqof qal li l-Knisja tibqa’ għas-servizz ta’ kulħadd. Qal li l-Knisja hija mibnija minn ħafna persuni ta’ ideat u xebbaħ dan bħal ġnien li fih ikun hemm in-natura kollha bl-Arċisqof jgħid li dan “inkluż xi xewka jew tnejn”.

Fakkar fi kliem il-Papa Franġisku fl-enċiklika “lkoll aħwa” u qal li dawn huma kliem li huma rilevanti ħafna speċjalment minħabba l-pandemija hekk kif id-dinja globali saret iktar globalizzata u persuna resqu viċin xulxin. L-Arċisqof appella biex għalkemm se jkollna nilbsu l-maskri, għandna ninsew il-maskri metaforiċi għax qal li aħna xbihat ta’ Alla.