Filmat: L-Arċisqof iżur u jiekol mal-priġunieri żgħażagħ

L-Arċisqof Charles Scicluna fl-aħħar jiem żar u kiel mal-priġunieri żgħażagħ li qed jiskontaw sentenzi ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva tal-CoRRS (Centre for Residential Restorative Services) fl-Imtaħleb.
Din iż-żjara hija waħda mil-laqgħat li l-Arċisqof qed jagħmel ma’ żgħażagħ minn realtajiet differenti, bit-tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ, imsejjaħ mill-Papa Franġisku. Is-Sinodu se jsir f’Ottubru li ġej fil-Vatikan.
Ma’ Newsbook.com.mt, hekk kif ħareġ minn ħdejn il-priġunieri żgħażagħ, l-Arċisqof Charles Scicluna spjega kif wieħed mill-aspetti tar-Randan huwa li l-karità li ssir tkun konkreta u li tħalli l-frott.  
Filwaqt li stqarr li waħda mill-opri tal-ħniena hi li żżur lil min hu fil-ħabs, fisser li għalih kien importanti li jiltaqa’ ma’ dawn iż-żgħażagħ.
Mons. Scicluna ddeskriva l-esperjenza bħala waħda qawwija, u awguralhom kull ġid u futur mingħajr żjajjar f’dawn l-istrutturi. Estenda l-awguri tiegħu liż-żgħażagħ kollha.

L-Arċisqof irrimarka li ż-żgħażagħ fil-faċilità CoRRS qed jiġu kkurati minn staff dedikat u li jħobbhom.
Irringrazzja lill-awtoritajiet u lill-istaff tal-CoRRS, li qed joħolqu ambjent adattat għaż-żgħażagħ f’sitwazzjonijiet diffiċli, li jista’ jagħtihom tama għall-futur.
L-Arċisqof kien akkumpanjat minn Mariella Camilleri, Assistent Direttur tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi.
Filmat: Ian Noel Pace