Filmat: L-Arċisqof iżur il-Maratona fid-Dar tal-Providenza

Hekk kif qed tkompli l-Maratona tal-Volleyball fid-Dar tal-Providenza, l-Arċisqof Pawlu Cremona żar id-Dar fis-Siġġiewi fejn iltaqa’ mal-voluntiera, l-plejers u r-residenti. 
F’din il-Maratona qed jieħdu sehem iktar minn 350 voluntier, fosthom 40 plejer, li qed jagħtu l-enerġija u l-ħin tagħhom biex jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa għaddej u jitjieb.
Id-Dar tal-Providenza toffri residenza f’ambjent “ta’ familja” lil diversi persuni b’dizabilità, b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u d-dinjita’ tagħhom.  Id-dar toffri wkoll servizz ta’ respite lil familji ta’ persuni b’diżabilità, biex jingħataw kull appoġġ sabiex jibqgħu jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom.
Barra t-tlett residenzi li hemm fil-kumpless ta’ residenzi fis-Siġġiewi, id-Dar tal-Providenza tipprovdi s-servizzi tagħha f’Dar Żerniq fil-Komunità tas-Siġġiewi, u Akkwarell, li hija dar oħra fil-Komunità tal-Qawra u f’Dar Pirotta li hija Dar fil-Komunità ta’ B’Kara. 
B’kollox f’dawn id-djar jgħixu 105 residenti bl-iżgħar wieħed għandu sentejn u l-ixjeħ 82 sena. Bħalissa d-Dar għada kif lestiet proġett ta’ mmodernizzar tal-kċina tad-Dar, refurbishment f’żewġ fletts f’Villa Mons Gonzi fejn saru aktar kmamar individwali għar-residenti, u qed jitħejja x-xogħol fuq proġett biex tiġi rranġata l-ħsara strutturali li hemm fil-portico tal-bitħa ta’ quddiem il-kappella, bini ta’ pool terapewtiku, kif ukoll bini ta’ Dar oħra fil-Komunità.
Il-Maratona qed tixxandar fuq l-istazzjoni tat-televiżjoni lokali u tispiċċa għall-ħabta ta' nofsillejl.