Filmat: L-Arċisqof iqawwi qlub dawk li kellhom jirċievu l-Griżma tal-Isqof

Knisja.mt
Quddiesa tal-Ħadd mis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa – 31 ta' Mejju, 9:30am

Quddiesa tal-Ħadd mis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa – 31 ta' Mejju, 9:30amPowered by Restream https://restream.io/

Posted by Archdiocese of Malta on Sunday, May 31, 2020

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li propju llum, fil-jum tal-Għid il-Ħamsin, il-ħsieb tiegħu jmur għal tant adoloxxenti li kienu qed jippreparaw biex jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu fil-Griżma iżda ma jistgħux jagħmlu dan minħabba l-pandemija preżenti.

Waqt l-omelija tiegħu f’dan il-jum, hu awgura lil dawn iż-żagħżagħ li ma jdumux ma jkunu jistgħu jirċievu dan id-don kbir u qaddis, li jikkonferma l-għażla li għamlu l-ġenituri tagħhom meta tgħammdu.

Ir-riflessjoni tal-Arċisqof kienet tirrevolvi madwar l-Ispirtu s-Santu. Spjega li meta l-Knisja titlob lill-Ispirtu qaddis tal-Mulej, tindirizzah bit-titlu ta’ Spirtu Ħallieq. Sostna li l-ispirtu huwa preżenti, kien preżenti fil-ħolqien tal-univers u jibqa’ jiġedded il-Knisja bil-fjamma tal-imħabba li jnissel fil-qalb ta’ kull Nisrani.

Irrimarka li jekk il-poplu jrid jilqa’ d-don tal-Ispirtu s-Santu m’għandux għalfejn jitfixkel jekk iħossu fqir quddiemu. Qal li dak ifisser li r-ruħ u l-qalb tal-persuna għandhom għatx għalih għax huwa għajn safja u “fewġa ħelwa għar-ruħ”.

Spjega li iżjed ma persuna tagħraf il-faqar tagħha, iżjed tattira fuqha u f’qalbha l-Ispirtu tal-Mulej għax “hu missier il-foqra jiġi bid-doni tiegħu, jiġi bid-dawl imqaddes tiegħu.” L-Arċisqof semma kif hemm żewġ tentazzjonijiet li fit-tagħlim tal-Papa Franġisku hemm bżonn li wieħed jevita. “L-ewwel tentazzjoni hija li aħna nħossuna tant O.K. li m’għandniex għarfien tal-faqar tagħna, tal-bżonn radikali li għandna tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, dak li l-Papa jsejjaħlu ‘neo Pelaġjaniżmu’, kelma tqila imma tfisser li inti taħseb li se ssalva lilek innifsek bil-qawwa tiegħek,” spjega l-Arċisqof.

L-Arċisqof qal li l-poplu għandu bżonn konsolatur għax għandu bżonn jitfarraġ, għandu bżonn avukat għax kultant isib min jakkużah u jkollu bżonn min jiddefendih. Qal li hemm bżonn li wieħed isib lil min jieqaf ħdejh u jkun miegħu. Qal li dan kollu jagħmlu l-Ispirtu tal-Mulej.

Hu kompla b’riflessjoni fuq it-tieni tentazzjoni li javża dwarha l-Papa Franġisku, dak li jsejjaħlu n-‘neo Njostiċiżmu’. Spjega li dan hija meta wieħed jaħseb li l-Ispirtu s-Santu huwa tant ‘il fuq mill-ħolqien u biex wieħed jogħġbu jrid jiddisprezza l-ħolqien, ġismu, in-natura ta’ madwaru u lil ħutu. “L-Ispirtu s-Santu huwa ħallieq, kulma għamel huwa tajjeb. Min jiddisprezza lilu nnifsu, lil ġismu, lil ġisem ħaddieħor, lill-ħoqien, għadu ma fehemx min hu l-Ispirtu qaddis tal-Mulej,” wissa l-Arċisqof.

Intant semma kif hemm aspetti li fuqhom l-Ispirtu qaddis bid-dawl tiegħu jwissina dwarhom: li aħna nsiru strumenti tal-ħażen, tal-egoiżmu, tar-regħba, tal-vjolenza. Qal iżda li meta aħna mfawrin mill-imħabba tiegħu, niddedikaw lilna nfusna għall-imħabba, allura nkunu tassew skulari tal-Ispirtu s-Santu.