Filmat: “Il-bniedem jgħix tajjeb biss fejn id-drittijiet jiġu rispettati” – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna fakkar li l-bniedem jista’ biss jgħix tajjeb fejn id-drittijiet tiegħu huma rispettati u fejn is-Saltna tad-Dritt ma tkunx biss kelma imma realtà fil-ħajja ta’ kuljum.
Monsinjur Scicluna qal dan waqt il-kungress internazzjonali (Re)Thinking Europe li qed jiddiskuti l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewroepa fid-dawl tal-valuri li tħaddan.
Għalih qed jattendi wkoll l-Isqof Mario Grech, is-Segretarju Parlamentati Aaron Farrugia, il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola u l-Kap tal-MEUSAC Vanni Xeureb, fost oħrajn.
Monsinjur Scicluna saħaq li quddiem l-isfidi li għaddejja minnhom bħalissa l-Ewropa, iċ-ċittadin Nisrani għandu post ċentrali għax fi kliemu l-aspirazzjonijiet fundamentali tal-Ewropa huma wkoll aspirazzjonijiet Insara.
Fakkar li dawn huma bbażati fuq id-dinjità ta’ kull bniedem, ir-rispett lejn il-valur tal-ħajja mill-bidu nett tal-konċepiment sat-tmiem naturali, u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
L-Arċisqof saħaq li l-Unjoni Ewropea, meta twaqqfet, kellha tkun iżjed unjoni ta’ popli milli unjoni tal-istati.
Kien għalhekk li tkellem ħafna dwar il-bżonn li jinbnew il-pontijiet u mhux il-ħitan.
Waqt l-intervent tiegħu, l-Arċisqof tkellem dwar l-integrazzjoni li ma tfissirx li poplu jitlef l-identità tiegħu iżda jifhem li l-ġid ta’ pajjiż u ta’ poplu huwa wkoll il-ġid ta' pajjiż u ta’ poplu ieħor.
Kien hawn li tkellem ukoll dwar il-migranti u appella lill-poplu biex mhux jilqagħhom imma “jħaddanhom bħala parti mis-soċjetà.” Kompla jgħid li meta jseħħ dan, wieħed ikun jista’ jikkonvinċi lill-istess migranti biex jaħdmu huwa wkoll għall-ġid komuni tas-soċjetà.
 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=jl_-ZCPs_xY]