Filmat: L-arblu navali tal-Forti Sant’Anġlu jieħu l-ħajja mill-ġdid

Dawk kolla li jżuru l-Forti Sant’Anġlu se jkollhom l-opportunità jaraw l-aħħar arblu navali tal-injam f’Malta li fl-aħħar sena tniżżel u ġie rrestawrat wara kważi 40 sena.

Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt, il-Kuratur ta’ Forti Sant’Anġlu, Matthew Balzan, spjega li r-restawr tal-arblu beda’ madwar sena ilu u sar minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta (SMOM); l-ewwel darba li tniżżel minn postu biex jingħata l-manutenzjoni minn meta l-Flotta Ingliża telqet minn Malta fl-1979.

L-arblu navali twaħħal wara li l-Flotta Rjali akkwista l-Forti fl-1906 u kellu tlett għanijiet – biex tittella’ l-bandiera tal-Flotta Ingliża, kien jintuża biex jingħataw direzzjonijiet ta’ manuvrar fil-Port il-Kbir u kien ukoll jagħti sinjali tat-tbassir tat-temp.

Kien jeżisti arblu ieħor f’Lascaris fil-Belt Valletta, iżda dan tneħħa wara li ngħalqet il-bażi navali Ingliża fl-1979. Għalhekk, l-arblu tal-Forti Sant’Anġlu huwa l-aħħar wieħed tat-tip tiegħu fil-gżejjer Maltin.

Filmat: Malcolm Agius