Filmat: ‘L-aqwa tmexxija meta n-nies ma jindunawx x’qed isir sakemm l-għan jintlaħaq’

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat l-aqwa tip ta’ tmexxija hija meta n-nies ma jindunawx xi jkun qed isir sakemm dik il-ħaġa tkun saret.

Dan qalu fl-aħħar parti ta’ intervista fil-Ġappun f’Lulju tal-2018. Muscat kien qed jitkellem ma’ Nippon.com, sit tal-aħbarijiet Ġappuniż. Muscat ilu ma jkun intervistat fit-tul mill-midja indipendenti Maltija sa mill-2016.

Fit-30 ta’ Lulju, Muscat ta diskors f’Tokyo waqt simpożju marittimu organizzat min-Nippon Foundation. Muscat qal li l-mod kif qed jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun huwa “fantastiku”.

Il-kummenti ta’ Muscat dwar it-tip ta’ tmexxija li jgħożż ġew wara mistoqsija dwar x’kienu l-aspettattivi tiegħu għall-Ġappun fost l-isforzi globali biex jissawru politiki marittimi komprensivi.

Muscat qal li l-isforzi tal-Ġappun jidhru fuq livelli żgħar. Qal li grazzi għan-Nippon Foundation numru mdaqqas ta’ avukati minn pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jingħataw boroż ta’ studju biex jistudjaw f’organiżżazzjonijiet marittimi, inkluż f’Malta. Fi kliem Muscat dan l-impenn fuq xi ħaġa tant speċifika turi l-impenn tas-soċjetà Ġappuniżi fl-intier tagħha biex issir xi ħaġa li mhux bilfors tkun tispikka fuq ir-”radar” imma li qed twassal għal differenza kbira lejn l-amministrazzjoni ta’ kwistjoni ta’ importanza kbira.

“Din narawha bħala tmexxija. Din narawha bħala tmexxija li tmur oltre li tkun qed tidher li qed issir xi ħaġa,” qal Muscat. Kompla jgħid li għalih din hija l-aqwa tip ta’ tmexxija meta wieħed ma jindunax xi jkun qed isir sakemm min ikun fit-tmexxija ikun wettaq dak li xtaq.

F’intervista ppubblikata fl-2014, Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar l-elezzjoni tal-2013 li fiha kien rebaħ il-Partit Laburista. Qal li dakinhar, il-poplu Malti ried bidla fl-istil tal-politika. Qal li fost l-oħrajn riedu gvern aktar miftuħ li jiggarantixxi t-trasparenza.

L-intervista sħiħa ta’ Muscat

Filmat: Nippon.com

Dalli tidħak għax “in-nies ma ndunawx” x’ried il-PL

Fl-2018, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli, waqt li bdiet tidħak, qalet li l-poplu Malti ma ndunax dwar x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista għax skontha fil-programm elettorali tal-2013,“intużat biss il-kelma – ugwaljanza”.

Dalli kienet qed tindirizza attività tal-Kummissjoni dwar l-Istat tan-Nisa fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, li organizzat Malta stess, bil-għan li l-minoritajiet abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa jingħataw iktar viżibilità. Waqt li bdiet tidħak Dalli qalet li l-Gvern wasal fejn ried f’dan is-settur minkejja li meta kien se jdaħħal l-unjoni ċivili sondaġġ wera li 80% tal-poplu kien kontra.

Madanakollu insistiet li bla ma jaf, il-poplu Malti kien qed jivvota għal dan, u li ħadd ma rrealizza li kelma waħda kienet tfisser pilastru ewlieni tal-Gvern.