Filmat: L-aqwa lezzjoni li jista’ jagħti Bonnici hi li jirreżenja – Repubblika

L-aqwa lezzjoni li jista’ jagħti l-Ministru Owen Bonnici hi li jirreżenja, skont l-għaqda Repubblika.

Repubblika qalet dan f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru għall-Edukazzjoni wara li Owen Bonnici għadu ma tax ir-riżenja tiegħu minkejja d-diversi appelli biex jagħmel dan mill-attivisti favur ir-rispett lejn il-liġi.

Għadd ta’ attivisti sejħu għar-riżenja tal-Ministru għall-Edukazzjoni wara li nstab ħati ta’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem mill-Qorti Kostituzzjonali.

Il-ġimgħa li għaddiet Repubblika rebħet il-kawża tagħha kontra l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici peress li dan instab ħati li kiser id-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti meta ordna li jitnaddaf il-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Manuel Delia, f’isem Repubblika, esiġa r-riżenja ta’ Owen Bonnici minn Ministru.

Repubblika qalet li Bonnici kiser dawn id-drittjiet jum wara l-ieħor għal sentejn sħaħ. Staqsiet x’eżempju qed jagħti Bonnici lill-istudenti. Spjegat li l-aqwa lezzjoni lill-istudenti u lil min ikun qed jaħseb biex jabbuża mill-poter tkun ir-riżenja tal-Ministru.

Repubblika qalet li jekk Bonnici ma jirreżenjax huwa d-dover tal-Prim Ministru Robert Abela li jkeċċih.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux se jkeċċi lill-Ministru Owen Bonnici wara li l-Qorti sabet lil Bonnici ħati li kiser id-drittijiet ta’ attivisti Maltin. Abela qal lil Newsbook.com.mt li ma jarax għalfejn Bonnici għandu jirreżenja. Żied jgħid li l-messaġġ li ħareġ huwa li Malta għandha istituzzjonijiet li jaħdmu u qrati li jieħdu deċiżjonijiet indipendentament mill-eżekuttiv.

Filmat: Miguela Xuereb