Filmat: L-appell għad-demm fil-Jum Dinji għad-Donaturi

Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju huwa ddedikat għad-donaturi tad-demm, ġurnata li bdiet titfaskkar mill-2004 u issa tinsab taħt il-patroċiju tal-għaqda dinjija tas-saħħa (WHO).

Newsbook.com.mt tkellem mal-infermier Tony Micallef li jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfuzżjoni tad-Demm. Huwa spjega kif ħidmet is-servizz tiffoka fuq żewġ binarji: dak man-nies li qatt ma taw id-demm biex jitħeġġu jagħmlu dan il-ġest nobbli, kif ukoll mad-donaturi biex jibqgħu jagħtu b’mod regolari.

Micallef spjega li anke l-għaqda dinjija tas-saħħa (WHO) qed tkompli tħeġġeġ lin-nies biex jagħtu d-demm għaliex xorta hemm pazjenti li għandhom bżonn id-demm biex jgħixu.

Qal li l-pandemija xi ftit jew wisq ħarbtet lil kulħadd. B’mod speċifiku għas-servizz tat-trasfużjoni tad-demm it-tħarbit seħħ minħabba li min kien marid jew fi kwarantina ma setgħax jagħti d-demm.

Xi jfisser il-bini mixgħul bl-aħmar?

Tony Micallef tkellem dwar il-bini mixgħul bl-aħmar li qal li kienet inizjattiva tal-President George Vella. Huwa qal li fost il-bini importanti li kien hawn mixgħul bl-aħmar kien hemm it-tliet palazzi presidenzjali fil-Belt, f’San Anton u fil-Verdala.

Qal li f’din l-inizjattiva daħal l-istat li xegħel Bieb il-Bombi u min-naħa tal-Knisja flimkien mad-direttorat tar-restawr xegħlu l-Katidral tal-Imdina kif ukoll is-swar tal-Imdina.

F’Għawdex inxtegħlet il-knisja ta’ Lourdes f’Għajnsielem li tħares fuq il-Port tal-Imġarr kif ukoll tliet monumenti fil-Belt Victoria fosthom il-funtana tat-tliet għoljiet quddiem is-Sixth Form ta’ Għawdex, il-Barrakka fi Triq ir-Repubblika kif ukoll fil-Banca Giuratale fi Pjazza Indipendenza.